It-taħlita tal-varjanti attwali tal-Covid – id-Delta u l-Omicron – qed twassal għal tsunami sħiħa (mewġ bla rażan) ta’ infezzjonijiet madwar l-Ewropa u fi bnadi oħra tad-dinja. Dan qalu Tedros Adhanom Ghebreyesus, id-Direttur Ġenerali tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO), meta l-pajjiżi tal-Ewropa u l-Istati Uniti komplew jirrappurtaw rekords (rispettivi) ta’ każi tal-Covid.
Intant, Franza rrappurtat l-ogħla ċifra ta’ każi għal ġurnata waħda għat-tieni jum konsekuttiv u fejn kienu rreġistrati 208,000 infezzjoni.
Id-Danimarka, il-Portugall, ir-Renju Unit u l-Awstralja wkoll irrappurtaw ċifri rekord ta’ infezzjonijiet, bl-Istati Uniti tirrapporta ‘medja rekord’ ta’ madwar 266,000 infezzjoni bil-Covid kuljum tul l-aħħar ġimgħa.
Il-Polonja hi pajjiż ieħor li ntlaqat “ħażin ħafna’ minn din il-fażi tal-pandemija fost rapporti li jikkonfermaw li l-Omicron qed isir il-varjant dominanti f’ħafna pajjiżi, u fost indikazzjonijiet li qed ‘imexxi’ l-ispinta fil-każi.
Il-Ministru tas-Saħħa Franċiż, Olivier Véran, issa qed jgħid li ‘is-sitwazzjoni ma tinvolvix sempliċiment mewġ iżda tsunami tal-Covid’.
Min-naħa tiegħu Tedros wissa dwar ‘it-theddida doppja’ taż-żewġ varjanti li qed jimponu l-isfidi u kumplikazzjonijiet għas-servizzi tas-saħħa madwar id-dinja. Hu wissa li bħalissa – u fil-ġimgħat li ġejjin – għandha tiżdied il-pressjoni fuq il-ħaddiema tas-saħħa li spiċċaw eżawriti u meta ħafna sistemi tas-saħħa qed jidhru f’xifer ta’ kollass.
F’dan il-mument, qed ikunu rrappurtati xi 900,000 każi ġodda tal-Covid kuljum madwar id-dinja.
Intant, it-tabib Anthony Fauci — l-espert ewlieni dwar il-mard li jittieħed fl-Istati Uniti — qed jistenna li pajjiżu jgħaddi mill-‘eqqel tal-pandemija’ fl-aħħar ta’ Jannar. Dan meta numru ta’ pajjiżi sinjuri qed jinsistu bil-programmi tat-tilqim tal-booster, bit-tama li jnaqqsu l-avvanz tal-varjanti.
Madankollu, id-Direttur-Ġenerali tal-WHO qed jgħid li l-kampanji tal-booster fuq skala kbira li qed jimplimentaw il-pajjiżi żviluppati ‘jistgħu jtawwlu l-perjodu tal-pandemija’. Hu spjega li l-programmi inkwistjoni ‘kapaċi jżommu lura l-provvisti tal-vaċċin għall-pajjiżi aktar foqra’, bis-sitwazzjoni ‘tagħti aktar opportunità lill-virus biex jinfirex u jaddotta varjanti ġodda’.
Tedros qed jitlob biex ‘ir-riżoluzzjoni ta’ kulħadd għas-Sena l-Ġdida tkun li jappoġġja l-kampanja biex talanqas 70 fil-mija tal-popolazzjoni tad-dinja tispiċċa vaċċinata sa Ġunju’. Dan meta l-WHO qed iwissi li kważi 100 pajjiż għad iridu jilħqu l-mira oriġinali li jlaqqmu talanqas 40 fil-mija tal-popli rispettivi.
//= $special ?>