Coronavirus Lokali Saħħa

COVID-19: Mill-ġdid rekord – 1,353 każ fl-aħħar 24 siegħa

Fl-aħħar 24 siegħa pajjiżna rreġistra 1,353 każ ġdid ta’ Covid-19…sfortunatament rekord lokali ieħor hekk kif fl-aħħar sitt ijiem il-Gżejjer Maltin irreġistraw aktar minn 6,300 każ ġdid.

Dan filwaqt li l-Ministeru għas-Saħħa ħabbar li l-pazjenti rikoverati l-Isptar Mater Dei u li huma pożittivi għall-virus żdiedu għal 94 fosthom 6 persuni li jinsabu rikoverati fit-Taqsima tal-Kura Intensiva.

Bejn l-Erbgħa u l-Ħamis ġew irreġistrati 172 bħala mfejqa filwaqt li fortunatament ma ġiet irreġistrata ebda fatalità sabiex b’hekk il-vittmi tal-virus f’pajjiżna għadu qed jammonta għal 476.

Dan kollu jfisser li preżentament f’pajjiżna hawn 10,137 persuna li ttestjaw bħala pożittivi għal Covid-19.

Bosta huma dawk il-persuni li tkellmu ma’ Net News fejn saħqu li qed isibu diversi problemi sabiex jagħmlu kuntatt man-numru 111 biex jibbukjaw swab…u meta jirnexxielhom jaqbdu l-appuntament li jingħataw huwa fit-tul ħafna.

Għaldaqstant, ċertament il-persuni pożittivi huwa ferm aktar minn dak uffiċjali – dan kollu filwaqt li l-persuni fi kwarantina mandatorja qed jiżboq l-għexieren tal-eluf – bi pressjoni qawwija fuq il-postijiet tax-xogħol li qed jinqabdu b’nuqqas estrem ta’ ħaddiema.