Ħafna qed jaraw il-perjodu ta’ ġimagħtejn kwarantina bħallikieku qatt ma jrid jgħaddi. Iżda matul dawn iż-żminijiet ta’ festi, hemm min ikollu jqatta’ x-xhur maqful id-dar minħabba xi marda jew kundizzjoni ‘il bogħod minn dawk għeżież għalihom.
Fil-fatt, dan iż-żmien ifakkar liż-żagħżugħ, Johann Agius, meta 11-il sena ilu għadda minn operazzjoni tal-iscoliosis u kellu jagħmel forma ta’ kwarantina għal ġimgħat sħaħ.
Kollox beda meta kellu 14-il sena waqt li kien qed jilgħab il-baħar, bil-ġenituri tiegħu ndunaw li hemm xi ħaġa mhix f’postha.
“Ta’ 16-il sena kont għamilt l-operazzjoni,”qal Johann. “Ma kienx żmien faċli. Kien għadu ż-żmien li qed niżviluppa u ma kontx naf eżatti l-kundizzjoni xi tfisser. Kienet operazzjoni serja mhux ħażin hekk kif l-ispina ta’ dahri kienet mgħawwġa tant li kien hemm bżonn l-operazzjoni.”
Ma’ NET News, Johann spjega kif il-perjodu ta’ rkupru ħa madwar sitt xhur, b’ġimagħtejn minnhom għamilhom fl-Isptar, xahrejn oħra d-dar ma jistax joħroġ u matul l-erba’ xhur ta’ wara kompla jirkupra bil-mod.
“Għamilt madwar 6 xhur biex irkuprajt kompletament,” qal Johann. “Għamilt xi ġimgħat l-isptar imbagħad komplejt nirkupra d-dar. Prattikament, kelli nerġa’ nitgħallem nimxi wara l-operazzjoni li ħadet tliet sigħat. Trid titgħallem mhux biss timxi imma kif tieħu ħsieb tiegħek innifsek hekk kif l-operazzjoni taffetwalek ġismek kollu.”
“Inħares lejha bħala xi ħaġa li għenitni ħafna biex nikber u niżviluppa,” qal Johann. “Meta nħares lura nfakkar lili nnifsi li għaddejt minn xi ħaġa bħal dik u rnexxili noħroġ minnha, mela nista’ ngħaddi minn kollox.”
Iżda dan kollu li għadda minnu ma kienx ikun possibli mingħajr il-kuraġġ li għamlulu l-qraba u l-ħbieb tiegħu f’dan iż-żmien diffiċli.
“Kelli niddependi ħafna fuq il-ġenituri tiegħi li kienu jgħinuni nimxi u saħansitra ninħasel,” qal Johann.
Hu qal li hemm bżonn aktar għarfien dwar il-kundizzjoni tal-iscoliosis, hekk kif numru kbir ta’ ġenituri jibgħatulu għall-għajnuna permezz tal-paġna ta’ Facebook ‘Scoliosis Awareness Malta’.
“Nappella biex wieħed ikun hemm għal kulħadd għax dejjem inħoss li biex wieħed jgħaddi minn żmien diffiċli, trid tiddependi fuq ħaddieħor, kemm jekk għaddej minn xi marda u anke jekk fi kwarantina,” kompla Johann.
U meta jgħaddi minn perjodu diffiċli, Johann jiftakar kemm hawn min iżjed għaddej minn żmien diffiċli.
“Il-COVID wasslitna biex nindunaw kemm hi bżonnjuża li nkunu hemmhekk għal xulxin u barra minn hekk li nagħtu l-ispazju lil xulxin,” spiċċa jgħid Johann.
Muntaġġ: Elisa Battistino
