Jekk l-iskejjel jiftħu bl-ammont ta’ każi ġodda preżenti ta’ Covid-19 u bl-eluf ta’ persuni li jinsabu kwarantina, se jkunu kważi impossibli sabiex jitmexxew.
Dan saħqitu l-Union tal-Għalliema, MUT, hekk kif il-President tal-Union Marco Bonnici saħaq li filwaqt li għad trid tiffinalizza l-pożizzjoni tagħha dwar jekk l-iskejjel għandhomx jiftħu jew le għat-term il-ġdid…matul il-ġimgħa d-dieħla…saħaq bl-aktar mod ċar li se jkun ferm diffiċli li jiftħu bil-lezzjonijiet ma jkunux imfixkla…bl-ammont ta’ każi ġodda li pajjiżna qed jirreġistra.
Sa fejn jafu l-Awtoritajiet tas-Saħħa huma madwar 9,000 persuna li jinsabu preżentament infettati bil-virus tal-Covid-19…filwaqt li eluf oħra jinsabu taħt kwarantina mandatorja.
Bonnici saħaq li diversi edukaturi jinsabu fi kwarantina, oħrajn huma pożittivi…filwaqt li diversi studenti se jispiċċaw nofshom fil-klassi u n-nofs l-ieħor id-dar. Jekk ikollna niftħu l-iskejjel illum, tkun ferm diffiċli sabiex ikollok ġurnata skola normali. Dan minħabba l-fatt, kompla jispjega Marco Bonnici, li hemm nuqqas ta’ staff.
L-aħħar żieda qawwija fil-każi ġodda, b’eluf irreġistrati kuljum, qed iqanqal ċertu dubji serji fost l-għalliema u l-ġenituri dwar jekk hux għaqli li l-iskejjel jinfetħu fl-ewwel ġimgħa ta’ Jannar.
Minkejja dan kollu kemm l-awtoritajiet tas-saħħa kif ukoll dawk mill-Ministeru għall-Edukazzjoni kienu ċari fil-pożizzjoni tagħhom…dik li l-iskejjel jiftħu mill-ġdid b’mod fiżiku.
L-MUT spjegat li fil-jiem li ġejjin rappreżentanti mill-iskejjel privati u dawk tal-knisja se jkunu qed jiltaqgħu mal-awtoritajiet tas-saħħa fil-jiem li ġejjin. Dan filwaqt li spjegat ukoll li saret laqgħa mal-Ministru tal-Edukazzjoni l-ġdid, Clifton Grima…madanakollu ma ntqal xejn ta’ barra minn hawn hekk kif kienet biss waħda introduttorja.
//= $special ?>