Lokali Qorti

Jinżamm arrestat wara li qatagħlu biċċa minn imnieħru waqt argument f’Ħaż-Żabbar

Ehis Imobhio, Niġerjan residenti Ħaż-Żabbar, inżamm taħt arrest wara li tressaq il-Qorti akkużat li qata’ biċċa minn imnieħer kif ukoll biċċa minn xofftejn raġel ta’ nazzjonalità Niġerjana wkoll waqt argument.

Il-każ seħħ f’residenza fil-Biċċieni, f’Ħaż-Żabbar, tard it-Tlieta filgħaxija meta ż-żewġt irġiel spiċċaw fl-idejn. Fix-xhieda tiegħu, l-Ispettur Darren Buhagiar sostna li l-Pulizija ġew imsejħa fil-post sabiex iferquhom fejn sabu lill-akkużat ta’ 40 sena u l-vittma jispiċċaw isofru xi ġrieħi.

Fil-Qorti ġie spjegat li l-akkużat ġarrab xi punti subgħajh u f’rasu filwaqt li l-vittma kellu parti minn imnieħru u xofftu maqtugħin….wara li l-akkużat allegatament gidmu f’wiċċu.

Filwaqt li l-Qorti ordnat li l-akkużat jinżamm taħt arrest preventiv, il-prosekuzzjoni ġiet imħeġġa sabiex itella’ lill-vittma jixhed mill-aktar fis possibli.

Ta’ min jiġi nnotat li tul is-seduta sħiħa l-akkużat ma waqafx jibki…fejn saħansitra niżel għarkupptejh fl-iżbarra jisħaq mal-maġistrat li hu qatt ma kien bniedem problematiku.

Madanakollu l-maġistrat bil-kalma kollha ħeġġu sabiex jikkalma u jġib ruħu sew u serraħlu rasu li dan huwa biss arrest preventiv…u li għad għandu possibilità li jingħata l-ħelsien mill-arrest la darba jġib ruħu sew.