Internazzjonali

L-Ewropa: Lejliet l-Ewwel tas-Sena nieqes mill-avvenimenti pubbliċi

Il-firxa rapida tal-Covid-19 wasslet biex il-pajjiżi jħassru l-avvenimenti għall-pubbliku li kienu pjanati għall-aħħar tas-sena. Dan meta l-awtoritajiet qed jesiġu biex jiltaqgħu dejjem anqas nies f’dan il-perjodu tal-festi u meta kuljum qed jitħabbru l-miżuri ġodda għall-poplu fid-dawl tal-kriżi għas-saħħa.

Franza hi fost il-pajjiżi li ħassru numru ta’ avvenimenti tradizzjonali għall-pubbliku għal lejliet l-Ewwel tas-Sena. Fil-fatt, mhix se ssir il-wirja piroteknika għal sbieħ is-Sena l-Ġdida f’Pariġi – bl-awtoritajiet Franċiżi jestendu ż-żmien għall-għeluq tan-nightclubs bi tliet ġimgħat, mit-3 ta’ Jannar,

L-Italja qed tipprojbixxi ċ-ċelebrazzjonijiet tal-aħħar tas-sena, bin-nightclubs f’dan il-pajjiż se jibqgħu magħluqin sal-aħħar ta’ Jannar. L-awtoritajiet fl-Italja, ftit qabel il-Milied, kienu ssikkaw ir-regoli għas-sigurtà waqt il-pandemija u meta n-nies li mhumiex ivvaċċinati huma projbiti mill-postijiet pubbliċi. Dan fost direttivi li jesiġu ‘akkost ta’ kollox’ biex in-nies jilbsu l-maskri fuq barra.

Il-Gvern fi Spanja wkoll ħejja direttiva biex in-nies jilbsu bilfors il-maskra fuq barra, bil-pajjiż jirrapporta każijiet rekord tal-Covid aktar ma qed jinfirex il-varjant tal-Omicron. Dan ukoll waqt li l-attivitajiet għall-pubbliku huma limitati.

L-awtoritajiet fir-reġjun Spanjol ta’ Katalonja, intant, daħħlu mill-ġdid restrizzjonijiet li jinkludu curfew minn wara s-siegħa ta’ filgħodu; l-għeluq tan-‘nightlife’ u l-impożizzjoni ta’ limiti għal kemm jistgħu jidħlu nies f’past wieħed. Il-miżuri– effettivi fuq ġimgħatejn —  daħlu fis-seħħ matul il-lejl wara l-approvazzjoni mill-Ogħla Qorti tal-Ġustizzja ta’ Katalonja.

L-Ingilterra hi fost il-pajjiżi li qed jikkumbattu l-mewġa ġdida ta’ infezzjonijiet bil-Covid. Madankollu, il-Ministru tas-Saħħa Sajid Javid qal li ma kellhomx ikunu implimentati restrizzjonijiet ġodda sal-aħħar tas-sena.

Intant, is-sitwazzjoni tal-Covid fl-Ingilterra għandha tkun suġġetta għal analiżi ġdida fil-bidu tas-sena l-ġdida – bil-Ministru Javid iħeġġeġ biex in-nies jibqgħu kawti u jżommu lura miċ-ċelebrazzjonijiet pubbliċi għas-Sena l-Ġdida.

Is-Sindku ta’ Londra, Sadiq Khan, qal li l-festi tradizzjonali ta’ lejliet l-Ewwel tas-Sena tħassru minħabba l-mewġa kbira tal-inefezzjonijiet li laqtet il-kapitali Britannika. F’din is-sitwazzjoni mifhum li l-isptarijiet u s-servizzi għall-emerġenza f’Londra ma jistgħux iwieġbu ‘b’mod normali’ għall-każi tas-saħħa li qed jinqalgħu minħabba ċ-ċirkustanzi.

Hu minnu wkoll li l-kunċerti ta’ dawn iż-żmenijiet, flimkien ma’ avvenimenti oħra, tħassru anki fil-Greċja minħabba r-restrizzjonijiet ġodda fil-pajjiż. Il-miżuri fil-Greċja jinkludu mandat biex il-maskri jintlibsu fuq barra u speċjalment fiz-zoni kollha pubbliċi tal-ibliet.