Lokali

Messaġġi ta’ kuraġġ għat-tabib Calvagna hekk kif għadu f’qagħda kritika

Kienu bosta dawk li ħallew diversi messaġġi ta’ kuraġġ u talb għal fejqan malajr tat-tabib u chairman tal-Fondazzjoni Puttinu Cares, Victor Calvagna li t-Tlieta filgħaxija kien involut f’inċident ikrah fejn kawża tiegħu spiċċa f’qagħda kritika ferm.

It-tabib Calvagna, ġie deskritt minn bosta bħala eroj li salva diversi tfal mill-marda qerrieda tal-kanċer, bniedem li issa wara li għen lilhom imiss li jiġu mgħejun b’kull mezz possibbli huwa nnifsu.

Victor Calvagna qatta’ t-tieni lejl tiegħu fit-Taqsima tal-Kura Intensiva fl-Isptar Mater Dei wara li t-Tlieta filgħaxija għal xi raġuni huwa ntlaqat minn vettura fil-Qawra.

Huwa kien l-ewwel konsulent Malti li ħa ħsieb il-kura tal-kanċer fuq it-tfal…b’rata ta’ fejqan ta’ 80%.

Diversi kienu dawk li saħqu li l-Gżejjer Maltin jinsabu f’għaqda waħda ta’ talb għal fejqan malajr tat-Tabib Calvagna.

Intant permezz ta’ post fuq il-midja soċjali bintu Francesca spjegat li tul il-jum tal-lum se jkun qed isirlu test tal-MRI sabiex jiġu evalwati l-ġrieħi li ġarrab fil-moħħ.

Hija spjegat li s’issa għadu mhux konxju u jinsab intubat..filwaqt li sfortunatament stqarret li skont it-testijiet li sarulu…ix-xejra ma tantx tidher pożittiva f’dan l-istadju.

Francesca spjegat li filwaqt tinsab b’qalbha maqsuma se tibqa tittama filwaqt li kompliet tħeġġeġ lil kulħadd sabiex jibqgħu jitolbu għalieh.