Internazzjonali

Russja- Ukrajna: Id-diplomazija se ttaffi l-kriżi?

Għajnejn l-Ewropa, bħalissa, jinsabu fuq il-kriżi kbira li żviluppat fl-aħħar xhur bejn ir-Russja u l-Ukrajna. Dan waqt li l-pajjiżi Ewropej qed jittamaw li d-diplomazija jirnexxilha tegħleb kull żvilupp li jista’ jħalli riperkussjonijiet koroh u bla preċedent għall-kontinent kollu.

F’din is-sitwazzjoni, ir-Russja qed tiċħad, għal diversi drabi, li tista’ qed tippjana biex tibgħat lit-truppi tagħha fl-artijiet tal-Ukrajna.

Dan wara li Moska, fil-ġimgħat riċenti, bagħtet eluf kbar ta’ suldati mal-fruntieri tar-Russja mal-Ukrajna, b’numru ta’ osservaturi ma jeskludux invażjoni tal-Ukrajna fl-ewwel ġimgħat tas-sena l-ġdida.

L-Istati Uniti hi fost il-pajjiżi li jinsabu ferm inkwetati bil-potenzjal ta’ żbroff militari f’dak ir-reġjun sensittiv. Fil-fatt, il-President Amerikan Joe Biden, mistenni jiddiskuti s-sitwazzjoni tal-Ukrajna waqt telefonata mal-President Russu Vladimir Putin. Dan bit-tama li tonqos mit-tensjoni ta’ Moska mal-Ewropa u meta mistenni wkoll li Biden u Putin jiddiskutu s-sigurtà fl-Ewropa fost suġġetti oħra ta’ interess komuni.

Ir-Russja qed tgħid li t-truppi mal-fruntiera huma hemmhekk ‘għall-eżerċizzji’ u li hi intitolata li tmexxi lit-truppi tagħha kif trid hi fit-territorji tagħha.

Sadanittant, Vladimir Putin fl-aħħar jiem informa lil Joe Biden li ‘jinsab konvint li huma jisstgħu jaħdmu flimkien b’rispett għall-interessi taż-żewġ pajjiżi’.

Filwaqt li r-Russja kienet qed tidher ‘disposta u ħerqana’ għat-taħditiet,  l-Istati Uniti, fl-aħħar sigħat, ikkonsultat mal-mexxejja tal-Ewropa dwar is-sitwazzjoni. Dan meta l-ħsieb ewlieni hu biex il-Punent jikkoordina reazzjoni komuni għall-kwistjoni ‘Ukrajna’.