Anzjana mill-Mellieħa xehdet quddiem il-Maġistrat Astrid May Grima li ħarġet fuq l-għatba tal-bieb tagħha b’25 ewro f’idejha għax ħasbet li kien wasal tal-gass għax kellha bżonn tixtri ċilindu. Minflok tal-gass quddiem il-bieb tagħha sabet raġel b’xi biljetti tal-prima f’idu li qalilha biex teħodlu xi ftit ‘għal mal-prima’.
Fi ftit tal-ħin ir-raġel, Chris Farrugia, li l-anzjana qalet li kienet qed tagħraf fl-iżbarra, ħatfilha l-flus li kellha f’idejha u ħarab minn fuq il-post. Farrugia ta’ 40 sena, kienu ilu biss jumejn bħala persuna libera wara li skonta sentenza ta’ ħabs fuq reati simili.
Meta tressaq il-Qorti, Farrugia kien qal li sab l-għajnuna ta’ persuna li żammu f’residenza Ħaż-Żabbar għax ma kellux saqaf fuq rasu. Huwa qed jiġi mixli li reġa’ beda jwettaq reati ta’ serq minn fuq anzjani f’diversi lokalitajiet.
Il-Pulizija irnexxielha ssolvi numru ta’ serqiet minn ta’ lanqas fuq seba’ persuni, fosthom anzjan ta’ 95 sena, ħames anzjani oħra li għadhom fuq it-80 sena, u vittma ieħor ta’ 52 sena.
Farrugia kien tressaq il-Qorti fil-11 ta’ Novembru li għadda u ma’ ngħatax il-pleġġ u għadu l-ħabs sal-lum. Huwa qed jiġi mixli mixli bi 13-il akkuża, kollha relatati ma’ serq. Mara anzjana oħra mill-Mellieħa wkoll għaddiet minn sitwazzjoni simili u li din iżda m’għarfitx lill-akkużat fil-Qorti. Madankollu l-Pulizija li kienet ilha ssegwi lil Farrugia għal diversi qabditu fil-fatt iwettaq is-serqa u għalhekk l-uffiċjali nvoluti se jixhdu dwar dan fil-futur.
Huma l-anzjani vittmi li għandhom jixhdu l-ewwel fil-Qorti. Il-mara li m’għarfitx lill-ħalliel toqgħod fl-inħawi tal-vittma l-oħra. Meta tressaq quddiem il-Maġistrat Elaine Mercieca l-Ispettur Lydon Zammit li flimkien mal-Ispettur Stephen Gulia qed imexxi l-każ kien qal “mill-ħabs l-akkużat ma tgħallem xejn.
Kien weħel il-ħabs fuq serq minn fuq anzjani meta kien jidħol f’darhom u jisraqhom. Lanqas laħqu għaddew jumejn li ma reġax beda jagħmel l-istess. “Chris Farrugia beda jdur diversi lokalitajiet f’Malta u wara li jħabbat il-bieb ta’ anzjani, jgħidlhom li qed ibiegħ biljetti tal-lotterija u wara li jaljenahom jispiċċa biex jidħol fir-residenza tagħhom u jisraqhom. Kien hemm min induna mill-ewwel li sfaw misruqa u kien hemm min induna wara,” saħaq l-Ispettur.
Chris Farrugia kien kiser difrejh mal-liġi f’Ġunju li għadda f’serqiet simili. Is-serq minn fuq dawn il-persuni kien isir billi jintalbu jixtru biljett mal-prima tal-lottu u wara l-ħalliel jibqa’ dieħel fid-dar tal-vittmi, jisraq il-flus sakemm il-vittmi f’dan il-każ jiġu biex iħallsu għat-taparsi biljetti.
Seraqlu l-pensjoni kollha
Il-Prosekuzzjonijiet qed tgħid ukoll li kien hemm ukoll okkażjonijiet fejn Farrugia mar jittallab għall-flus. Il-vittmi kollha prattikament sfaw misruqa fid-dawl tax-xemx. Farrugia qed jiġi akkużat li wettaq żewġ serqiet f’Birkirkara b’wieħed minnhom ta’ 95 sena fejn insterqulu madwar €700, prattikament il-pensjoni kollha li kien għadu kien sarraf.
Din is-serqa fil-konfront ta’ dan l-anzjan seħħet il-Ġimgħa, 29 ta’ Ottubru, għall-ħabta tas-1.15pm bil-ħalliel jaħtaf il-flus u jaħrab jiġri l-barra. Wara li l-vittma kien se jagħtih ħames ewro għall-biljetti tal-prima, l-ħalliel qallu li dawn ma kienux biżżejjed.
Meta l-anzjan mar biex iġiblu l-flus minn kartiera fejn iżomm il-pensjoni, dan bħal leħħa ta’ berqa ħarab il-baraa mid-dar bil-flus b’kollox Saru wkoll żewġ serqiet fil-Mellieħa, tnejn oħra fl-Imġarr, serqa fil-Mosta u oħra f’Ħal Luqa. B’kollox seba’ serqiet għalkemm il-Pulizija temmen li jista’ jkun hemm aktar vittmi li m’għamlux rapport.
Farrugia ġie arrestat wara li diversi rapport mill-vittmi kienu jgħidu li huwa kien qed jippoża ta’ persuni li qed ibiegħ il-biljetti mal-prima biex jgħin lil xi tfal. Wara allegatament li kien jitlobhom il-flus jibqa’ dieħel fi djarhom u jisraq il-kartiera jew il-portmoni tal-vittma u jaħrab jiġri l-barra.
Il-Pulizija identifikat lir-raġel meta kien fil-Mellieħa qed iħabbat bieb ta’ residenza meta fetħitlu mara anzjana. Dan kien għall-ħabta tal-11.00 am. fejn huwa mill-ewwel ġie arrestat bil-Pulizija tmur tagħmel tfittxija fid-dar tiegħu u nstabu għadd ta’ flus kontanti li allegatament ġew mis-serq.
Mara anzjana vittma li fetħet il-bieb ta’ barra wara li ħabtilha raġel lil qalilha li kien qed jiġbor flus għall-missjoni. Qalilha li jekk tagħtih bħal speċi donazzjoni u taċċetta kien se jagtħiha biljett tal-prima. Kif daħlet ġewwa biex iġiblu l-flus, ir-raġel baqa’ dieħel warajha. Kif ratu warajha hija għajtet lil żewġha. Kif dan induna li l-anzjana mhijiex waħedha, huwa ħareġ jistenniha barra fejn il-bieb.
Hija tagħtu ħames ewro, bil-ħalliel iweġibha – ‘daqshekk biss għall-missjoni – messek tistħi.’ u hi qaltlu li daqshekk kellha flus u telaq ‘l hemm. Anzjana oħra fil-Mellieħa ġarrbet l-istess esperjenza, din id-darba meta kienet miexja barra t-triq. Hawn waqqafha raġel u qalilha li kien qed jiġbor flus għall-missjoni. Hekk kif mill-portmoni ħarġet €25, dan ħatafhomla u ħarab minn fuq il-post.
Is-serq imur lura sa April u Ġunju ta’ din is-sena wara li f’Ġunju l-akkużat kien spiċċa l-ħabs. Il-maġġoranza tas-serq l-ieħor sar f’Ottubru u Novembru. Il-Pulizija qed issejjaħ lill-pubbliku, l-aktar anzjani biex ma jiftħux u jdaħħlu nies fi djarhom li ma jafxu u li jekk kollhom xi suspett iċemplu fuq in-numru 119.
Farrugia qed jiġi akkużat b’serq minn residenzi ta’ anzjani, frodi, li talab għall-karità għad-dannu tal-istess anzjani, u fl-istess żmien iżda fi ġranet, ġimgħat u xhur differenti għex ħajja ta’ għażż u vagabuntaġġ. Huwa qed jiġi mixli wkoll li sar reċidiv.
Akkużi oħra jinkludu li għamel lotterija pubblika mingħajr ma kellu permess mid-Direttur tal-Lottu u li ħajjar għall-promozzjoni tal-logħob. L-Avukat tal-Għajnuna Legali Joe Brincat qed jidher għall-akkużat. F’dan il-każ hemm mal-15-il xhud li jridu jagħtu d-depożizzjoni tagħhom. Il-kumpilazzjoni se tkompli fix-xahar ta’ Jannar.
//= $special ?>