In-nuqqas tal-avvenimenti pubbliċi – fosthom il-kunċerti, parties u wirjiet pirotekniċi – huma parti mill-aspett surreali li qed jispikka l-aktar fi tmiem is-sena. Dan meta d-dinja tinsab għaddejja mill-eqqel tal-aħħar mewġa tal-Covid li, kuljum, qed tħalli l-għexieren ta’ eluf tal-infettati u mwiet fid-diversi pajjiżi.
Is-sitwazzjoni mhix l-aktar ideali għall-ftuħ ta’ sena ġdida u wieħed irid jittama li l-programmi tat-tilqim u l-boosters iħallu l-effetti tagħhom matul il-ġimgħat li ġejjin.
Numru ta’ mexxejja madwar id-dinja, waqt li għaddew l-awguri lill-popli, ħeġġew għall-kawtela u biex in-nies jobdu r-regoli tas-saħħa biex ma jgħinux fil-firxa tal-virus. Dan meta numru ta’ attivitajiet pubbliċi u laqgħat soċjevoli kellhom jitħassru fl-aħħar jiem minħabba l-element tas-sogru marbut mal-varjanti Delta u Omicron tal-Covid.
Fl-Ingilterra, il-Prim Ministru Boris Johnson ħeġġeġ biex in-nies ma jitilfux iż-żmien biex jagħmlu test tal-Covid u biex jillimitaw iċ-ċelebrazzjonijiet fid-dawl tal-kriżi. Intant, il-Ministri Britanniċi qalu li laħqu l-mira ambizzjuża biex joffru t-tilqim booster lill-adulti kollha fir-Renju Unit.
Fi żvilupp ieħor, ir-Renju Unit għadu kemm approva pillola ġdida għal kontra l-Covid għall-adulti kbar fl-età li huma fl-aktar periklu li jispiċċaw l-isptar f’każ ta’ infezzjoni b’xi wieħed mill-varjanti. Intant sar magħruf li, qabel il-Milied, il-belt ta’ Londra kienet stabbilita bħala l-hekk-imsejjaħ epiċentru tal-Covid, fl-Ingilterra.
Kien proprju sentejn ilu li l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa kienet infurmata miċ-Ċina dwar marda misterjuża, simili għal pneumonia, li feġġet fil-belt Ċiniża ta’ Wuhan. Minn dakinhar, irriżultaw il-miljuni tal-infezzjonijiet u mwiet madwar id-dinja u meta l-pandemija issa dieħla fit-tielet sena tagħha.
Dan fost it-twissjiet ripetuti madwar id-dinja li l-mewġa tal-Omicron qed issir dejjem aktar akuta – b’aktar nies qed jiddaħħlu l-isptar b’konsegwenza ta’ dan.
Min-naħa tiegħu, Tedros Adhanom Ghebreyesus, li jmexxi l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa, qal li hu fiduċjuż li d-dinja jirnexxilha tegħleb il-pandemija fl-2022. Madankollu, hu wissa li dan isir possibbli biss f’każ li l-pajjiżi jaħdmu u jikkooperaw ma’ xulxin u meta d-dispożizzjoni ta’ ċerti pajjiżi biex iżommu l-ħażniet żejda tal-vaċċin ħolqot żbilanċ li għen għall-kundizzjonijiet ideali għall-varjant attwali tal-Omicron. Tedros saħaq li l-pajjiżi huma anki fid-dmir li jagħmlu minn kollox biex jevitaw li l-coronavirus jgħaddi minn bidliet ġodda perikolużi.
Ftit tal-aħbar tajba ħarġet mill-Afrika t’Isfel fejn l-awtoritajiet qalu li l-pajjiż seta’ għadda mill-agħar tar-raba’ mewġa tal-infezzjonijiet bil-Covid-19.
Għalkemm l-Omicron, li kien feġġ f’dan il-pajjiż f’Novembru, għadu qed jinfirex sew qalb in-nies, ir-rati tan-nies li qed jiddaħħlu l-isptar huma anqas minn tal-mewġ preċedenti tal-virus.
Intant, mgħadhomx effettivi r-regoli tal-curfew għal matul il-lejl fl-Afrika t’Isfel – anki jekk dan il-varjant qed iwassal għal aktar restrizzjonijiet riġidi għall-movimenti tan-nies fil-pajjiżi l-oħra.
//= $special ?>