Coronavirus Internazzjonali

Dubaj, New York u Sydney se jibqgħu għaddejjin biċ-ċelebrazzjonijiet tal-Ewwel tas-Sena

F'Londra, Ruma u Pariġi tħassar kollox

Minkejja li bliet kbar bħal Sydney u New York xorta se jkun qed iwasslu l-ispettaklu tradizzjonali tal-Ewwel tas-Sena, ħafna pajjiżi għażlu li jħassru l-wirjiet ta’ logħob tan-nar li huma sinonimi ma’ dan il-lejl.

Fost dawn, hemm il-kapitali Ingliża Londra u l-kapitali Taljana Ruma; it-tnejn li huma ddeċiedew li ma jorganizzawx il-festeġġjamenti tas-soltu, bħala prekawzjoni minħabba l-firxa tal-pandemija tal-Covid-19.

Bliet li ħassru ċ-ċelebrazzjonijiet tal-Ewwel tas-Sena jinkludu Pariġi, Ateni,Berlin, Edinburgh u anke New Delhi.

L-ispettaklu fil-port ta’ Sydney se jsir xorta

Fl-Awstralja, minkejja żieda qawwija fil-każijiet ta’ Covid, l-awtoritajiet ta’ Sydney iddeċidew li jżommu l-programm oriġinali ta’ logħob tan-nar mill-pont ta’ Sydney. Bl-organizzaturi jgħidu li ħejjew 6 postijiet għan-nies li se jsegwu fiżikament dan l-ispettaklu pirotekniku.

L-istess se jsir f’Dubaj u anke f’Times Square, fi New York.

Il-Burj Khalifa se jixgħel mill-ġdid bil-kuluri tal-logħob tan-nar – attrazzjoni li tkun mistennija kull sena bħala tislima għas-sena li tkun spiċċat u t-tnax-il xahar li se jibdew.

F’Times Square, l-attendenza se tkun limitata għal 15,000 persuna. Dawn preżenti għal dan l-ispettaklu fi New York se jkunu obbligati jilbsu l-maskra protettiva, u kulħadd irid ikun imlaqqam.