Coronavirus Lokali

Għal kull 100,000 persuna: Malta mal-ewwel tlieta fost l-aktar każijiet tal-Covid

Malta bħalissa tinsab mal-ewwel tliet pajjiżi fid-dinja bħala każijiet tal-Covid għal kull mitt elf persuna.

Dawn id-dettalji nħarġu mill-AFP fejn Malta ġiet it-tielet fid-dinja, b’Malta jkollha 1,505 każ għal kull mitt elf persuna u tirrifletti l-jiem ta’ bejn it-23 u 27 ta’ Diċembru 2021.

Id-Danimarka tinsab l-ewwel 1,757 għal kull mitt elf persuna, issegwi r-Repubblika tal-Irlanda b’1,516 għal kull mitt elf persuna, Malta t-tielet, segwitha mir-Renju Unit.

Id-daqqa tal-każijiet f’Malta qed tħalli impatt kbir mhux biss fuq in-negozji u l-ħajja ta’ kuljum, iżda b’mod speċifiku fuq is-settur tas-saħħa, b’ħaddiema minn dan is-settur jgħidu ma’ Net News li qed ikollhom jaħdmu shift fuq shift.

Minħabba l-każijiet li rajna fl-aħħar jiem, u ż-żieda allarmanti, Malta wkoll kienet fuq quddiem nett ta’ lista oħra hekk kif iċ-Ċentru ta’ Prevenzjoni u Kontroll tal-Mard tal-Istati Uniti poġġa lil Malta fil-kategorija ta’ riskju għoli ħafna għall-ivjaġġar fid-dawl li pajjiżna qed jara numri għoljin ta’ każijiet pożittivi tal-COVID-19.

Fl-istess kategorija, magħrufa bħala ‘Level 4: Covid-19 Very High’, hemm ukoll il-Moldova u l-Isvezja.

Din il-kategorija hi l-għola livell, b’dawk il-pajjiżi fuq din il-lista huma kkonsidrati bħala l-agħar pajjiżi fejn tidħol is-sitwazzjoni tal-COVID-19. U wieħed infatti qed ikun mħeġġeġ biex jevita għal kollox li jmur lejn dawn id-destinazzjonijiet.