Lokali

“Il-legat ta’ missieri għandu jinżamm” – bint it-tabib Calvagna

Simbolu ta' karità u mħabba

“Ħabb bla qies, ma ħela l-ebda ħin u f’ħajtu wettaq il-ġid”.

Hekk kitbet Francesca Coleiro Calvagna, bint it-tabib Victor Calvagna, li għadu rikoverat l-isptar wara li l-aħħar testijiet mediċi ikkonfermaw li moħħu waqaf kompletament kaġun tal-inċident ikrah li seħħ aktar kmieni din il-ġimgħa fil-Qawra.

Fuq il-media soċjali, bintu spjegat kif il-Professur Calvagna tilef il-kontroll ta’ 95 fil-mija tal-moħħ – ħsara li kif fissru t-tobba ta’ Mater Dei, hi permanenti.

Francesca Calvagna qalet li hi diġà sellmet lil missierha, għalkemm jibqa’ tama żgħira li jseħħ miraklu.

Hi appellat biex kulħadd iżomm lil missierha f’talb tiegħu. U rreferiet għal missierha bħala eroj – professjonist li l-legat tiegħu jibqa’ mnaqqax fil-karità u l-imħabba lejn il-proxxmu.

It-tabib Calvagna kien involut f’inċident it-Tlieta li għadda fejn ittajjar waqt li kien qed jagħmel eżerċizzju fiżiku fi Triq it-Trunċiera, biswit l-Akkwarju Nazzjonali fil-Qawra. Il-karozza involuta f’dan l-inċident spiċċat bil-windscreen imkisser.

Calvagna mhuwiex biss tabib fl-Isptar Mater Dei, imma huwa wkoll il-fundatur u ċ-Chairman tal-Fondazzjoni Puttinu Cares.

Sa minn x’ħin sar magħruf li seħħ l-inċident, eluf ta’ Maltin u Għawdxin kitbu messaġġi ta’ kuraġġ u talb għall-fejqan tiegħu. U ddeskrivewh bħala eroj li salva diversi tfal mill-marda qerrieda tal-kanċer.

https://www.facebook.com/coleiro.calvagna.3/posts/698068534514198