Joseph Degabriele, żagħżugħ ta’ 27 sena miż-Żejtun, wieħed mill-voluntiera li qassam l-ikel f’Jum il-Milied, irrakkonta magħna l-aktar esperjenza li laqtitu waqt li kien qed iqassam l-ikel fid-djar għall-ħabta ta’ nofsinhar.
“Ħabbatt il-bieb ta’ raġel li jgħix waħdu u kif fetaħ tbissimtlu u għedtlu: ‘Sur Bilocca (kunjom fittizju), ġibtlek l-ikla mingħand il-Caritas. Nawguralek il-Milied it-Tajjeb’.”
Joseph qalli li ħares lejn ir-raġel u rah emozzjonat. “Fil-pront infaqa’ jibki. Qalli ‘int l-uniku bniedem li għedtli Il-Milied it-tajjeb illum. Ħadd aktar ma kellimni jew ċempilli’.”
Joseph qal li ħareġ minn dik id-dar imbikkem u jgħid lilu nnifsu li din l-esperjenza ma jagħmilhiex sena oħra għax kommoventi wisq. “Imma mbagħad, f’lokalità oħra fl-istess jum raġel anzjan qalli li ilu ma jisimgħu jdoqq il-mobile tiegħu u jien indunajt li kien silent. Ftaħtlu l-volum u ċempiltlu u tgħidx kemm dam jirringrazzjani. Irrealizzajt kemm b’xi ħaġa tant żgħira bħal din taf tkun qed tgħin persuna, u mhux sempliċement titfgħalha l-ikel u titlaq.”
Joseph qal li l-Milied qatt ma kien xi festa favorita tiegħu. “Kien idejjaqni l-Milied u qatt ma ridt niċċelebrah. Imma llum, permezz ta’ din l-esperjenza, qed narah jagħmel sens, għalija ħa tifsira ġdida.”
Fiċ-Ċentru Parrokkjali tal-Iklin tkellimna wkoll ma’ Helen Zammit, waħda mill-persuni li tmexxi r-reception area fiċ-Ċentru l-ġdid tal-Caritas u wkoll voluntiera li kienet għaddejja b’ħeffa minn kamra għall-oħra tħejji l-ikel u tgħin fl-organizzazzjoni, taħt it-tmexxija ta’ Albert Debono, responsabbli mis-sezzjoni Djakonija Parroċċi fi ħdan Caritas Malta.
Helen qaltilna li s-sena li għaddiet kienet waħda minn dawk li qassmu l-ikel u ħadet magħha t-tifel, li baqa’ impressjonat b’ċerti sitwazzjonijiet li ra. “L-iktar esperjenza li laqtitni kienet anzjana li kif tajnieha l-ikel kienet pronta tagħtina donazzjoni ta’ 20 ewro. Qaltilna ‘jien mhux l-ikel irrid imma xi ħadd li nitkellem ftit miegħu.’ Lit-tifel bdiet tgħidlu ‘ibqa’ ftit miegħi oqgħod kellimni, u qis li tiġi darb’oħra ta toqgħod titkellem ftit miegħi.’
Anzjan ieħor li kienet għadha kif mititlu l-mara riedna bilfors nidħlu ġewwa biex joqgħod jurina album mimli b’ritratti tagħha. Ried jaqsam magħna dawn il-memorji ħelwin ta’ meta kienet miegħu.”
Fost esperjenzi oħrajn li laqtuha, Helen tirrakkonta wħud li sfaw romol u kienu jaljenaw ruħhom u joħorġu u jiltaqgħu ma’ xi nies, imma issa bis-sitwazzjoni gravi tal-Covid kienu kostretti jibqgħu maqfulin ġewwa weħidhom. “Dawn iktar milli l-ikel ikunu jridu ftit kumpanija.”
Helen qalet li dawn in-nies, minbarra li jqattgħu ftit ħin magħhom, jissuġġerulhom is-‘support groups’ tal-Caritas biex il-wens li jkunu jixtiequ jsibuh matul is-sena kollha u mhux fil-Milied biss.
//= $special ?>