Coronavirus Lokali Saħħa

Il-miżuri l-ġodda taċ-ċertifikat tal-vaċċin li jidħlu fis-seħħ fis-17 ta’ Jannar

Dak kollu li għandek tkun taf dwar dak li se jinbidel mis-17 ta' Jannar li ġej

L-aħħar miżura ta’ mitigazzjoni li ħabbar il-Ministru tas-Saħħa Chris Fearne tgħid li mis-17 ta’ Jannar, iċ-ċertifikat tal-vaċċin se jkun validu għal tliet xhur mit-tieni doża u jibqa’ validu biss għal 9 xhur oħra jekk tkun ħadt il-booster.

Jekk ma tieħux il-booster u tkun ilek li ħadt it-tieni doża aktar minn tliet xhur, iċ-ċertifikat ma jibqax jgħodd.

Din il-miżura ġabet ħafna mistoqsijiet magħha għaliex mis-17 ta’ Jannar, bars, restaurants, gyms, spas, casinos, snack bars, pools, clubs, cinemas, teatri, attivitajiet sportivi u kwalunkwe attività oħra se jkunu aċċessibli biss għal min għandu ċertifikat tal-vaċċin. Dan jeskludi biss tfal ta’ taħt it-12-il sena li mhux se jilħaq ikollhom iċ-ċertifikat.

Kien għalhekk li Net News għamel sensiela ta’ mistoqsijiet lill-Viċi Prim Ministru iżda filwaqt li matul il-konferenza tal-aħbarijiet it-tweġibiet ma ngħatawx, fl-aħħar sigħat, din il-Kamra tal-Aħbarijiet bagħtet l-istess mistoqsijiet lis-Suprintendent tas-Saħħa Pubblika, il-Professur Charmaine Gauci.

Filwaqt li l-email tagħna ma ġietx imwieġba minn Charmaine Gauci, uffiċjal fil-Ministeru ta’ Chris Fearne spjegatilna li “ir-regoli li jidħlu fis-seħħ fis-17 ta’ Jannar huma maħsuba biex jipproteġu l-popolazzjoni u jagħtu saħħa iktar il-booster għax il-programmi ta’ vaċċinazzjoni huma l-aqwa arma kontra l-Covid-19.”

Spjegawlna li “Protokolli speċifiċi b’rabta ma’ dan se jkunu ppubblikati fil-jiem li ġejjin permezz ta’ avviżi legali.”

Dwar il-mistoqsija ta’ jekk irridux nieħdu booster kull 9 xhur, l-Awtoritajiet qalulna li “s’issa għad ma hemmx direzzjoni mill-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini dwar it-teħid ta’ dożi addizzjonali wara li jingħata l-booster.”

Staqsejna x’se jagħmel min kellu reazzjoni għall-vaċċin u minħabba sitwazzjoni ta’ saħħa, ma jistax jieħu l-booster u r-risposta l ngħatajna tgħid li “l-każijiet ta’ persuni li għal xi raġuni medika ma jistgħux jieħdu l-booster se jiġu eżaminati minn speċjalisti fi ħdan is-Saħħa Pubblika.”

Bqajna mingħajr tweġiba dwar x’jagħmel min hu pożittiv bħalissa u għalhekk wara s-17 ta’ Jannar mhux se jkun jista’ jieħu l-booster. Jidher li dawn il-persuni mhux se jkunu jistgħu jgħixu ħajja normali sakemm jieħdu l-booster li għalih iridu jistennew tal-inqas 4 ġimgħat wara li jgħaddilhom il-virus.

Madanakollu ngħatajna dettalji dwar x’se jagħmel min isiefer u jkun għadu ma ħax il-booster:

Residenti Maltin li jirritornaw lura Malta wara s-17 ta’ Jannar se jingħataw perjodu addizzjonali ta’ ġimgħatejn, fir-rigward tal-validità taċ-ċertifikat tal-vaċċin.. perjodu li jintemm fl-1 ta’ Frar.

Wara din id-data, residenti Maltin li ma jkollhomx ċertifikat validu tal-vaċċin se jkollhom joqgħodu 14-il jum kwarantina mal-wasla tagħhom lura f’pajjiżna. Dawn il-miżuri l-ġodda relatati mal-booster u ċ-ċertifikat tal-vaċċin jidħlu fis-seħħ fis-17 ta’ Jannar.