“Grazzi li kellna fostna ‘l-Profs Albert Fenech, il-qaddej tagħna f’dak li għandha x’taqsam il-mediċina għall-Maltin u l-Għawdxin! Nitolbok Mulej li jkollna aktar minn dawn in-nies! Il-Professur Albert Fenech, dan l-aħħar il-Professur Victor Calvagna, 2 ġawhar tal-mediċina Maltija!”
Kienet din it-tislima tal-Mons. Dione Cutajar waqt l-omelija tal-funeral li sar fil-Knisja Arċipretali ta’ San Nikola fis-Siġġiewi biex sellmet il-ħajja tal-kardjologu u l-eks deputat Nazzjonalista, il-Profs Albert Fenech.
Mons. Cutajar ħeġġeġ lil dawk kollha li attendew bi ħġarhom għal din l-aħħar tislima biex iżommu lill-Professur Fenech bħala xempju hekk kif għex kliem Kristu fl-aħħar ċena, li l-Kbir fostkom ikun il-qaddej tagħkom:
“Power corrupts and absolute power corrupts absolutely! Imma l-Professur Fenech qatt ma waqa’ ghal din it-tentazzjoni imma baqa’ jgħix, “il-Kbir fostkom, jien il-qaddej taghkom”. Il-Professur Albert ma kellux klijenti imma kellu pazjenti għal qalbu li jieħu interess personali fil-hajja tagħhom!”
Bil-mod kif eżerċita l-professjoni tiegħu u bl-imħabba li kellu lejn il-pazjent, il-Profs Albert Fenech għolla fil-ġieħ ‘il-professjoni tal-kardjoloġija.
“Baqa’ jaqdina! Baqa’ jmur fuq il-mezzi tax-xandir b’dik it-tbissima tiegħu jispjega, jitkellem, iferraħ u jagħmel kuraġġ, iferraħ. Dan hu li jagħmel il-bniedem kbir, mhux il-flus, mhux il-ġid, imma dan is-servizz.”
Huwa għalhekk li l-familja tat-tabib Fenech kienet u se tibqa’ fil-qalb tas-Siġġiwin għaliex fiha eżempji kbir ta’ servizz.
Fost dawk preżenti għall-funerali kien hemm l-iSpeaker, Anġlu Farrugia, il-Kap tal-Oppożizzjoni, Bernard Grech, Viċi Kapijiet, deputati, eks-Kapijiet, u t-tmexxija tal-Partit Nazzjonalista.
Albert Fenech, li miet it-Tlieta filgħaxija fir-residenza tiegħu fl-età ta’ 70 sena, kien strumentali biex f’pajjiżna twaqqaf id-dipartiment tal-kardjoloġija fl-1995 u kien ukoll l-ewwel persuna li opera fl-isptar Mater Dei f’Novembru 2007.
Bejn l-2013 u l-2016 huwa serva bħala membru parlamentari f’isem il-Partit Nazzjonalista biex wara kien ingħaqad ma’ Vitals Global Hearlthcare bit-tama li jibni dipartiment tal-kardjoloġija fl-isptar f’Għawdex, proġett li baqa’ qatt ma seħħ u li ftit tal-jiem biss ilu, l-istess Fenech iddeskriva bħala wegħda fl-arju.
Fenech jibqa’ mfakkar mhux biss bħala kirurgu bravissimu iżda anki bħala ġentlom li bis-sens t’umoriżmu tiegħu kien jirnexxielu jikkalma anke lill-pazjenti li kien ikollhom kumplikazzjonijiet f’qalbhom.
//= $special ?>