Raġel ieħor ta’ 62 sena tilef ħajtu kaġun tal-Covid-19, bl-ammont ta’ mwiet tal-pandemija issa tela’ għal 477. Fl-aħħar ġimgħa rajna 4 imwiet kaġun tal-imxija.
Bejn il-Ħamis u l-Ġimgħa ġew irreġistrati 1,403 każi ġodda, l-akbar ċifra ta’ każi sa issa. Tul il-95 ġimgħa tal-imxija fostna ġew irreġistrati 7,712-il każ ġdid tal-Covid-19, bil-każijiet attivi issa jlaħħqu l-11,441 każ.
Tul din is-sena rajna 39,700 każ ġdid filwaqt li tul ix-xahar ta’ Diċembru rajna 13,039 każ.
Kien hemm żieda wkoll fin-numru ta’ persuni li jinsabu l-isptar, bin-numru jitla’ għal dak ta’ 100, b’żieda wkoll fil-persuni li jinsabu fit-taqsima tal-Kura Intensiva, bil-persuni issa jitilgħu għal 8.
Għalkemm mhux jittieħed swab test ta’ konferma, il-Ministeru ħabbar li fiequ 98 persuna mill-Covid-19.
Intant kienu għadd ta’ persuni li tkellmu magħna dwar dewmien biex jirċievu appuntament għall-iswab test, b’sorsi tagħna jikkonfermaw għal darb’oħra li s-sezzjoni tal-iswabbing spiċċat kważi għarkuptejja bil-piż fuq il-ħaddiema jkompli jiżdied. Infatti l-esperti tas-saħħa u l-ħaddiema li għamlu magħna qalulna biex insostni l-appell u l-kawtela speċjalment f’dawn il-jiem ta’ festi.
Persuni oħrajn li tkellmu magħna qalulna li l-Ħamis irċivew email li miżuri ġodda daħlu fis-seħħ fir-residenza Zammit Clapp, bl-ebda viżitatur mhu se jitħalla jidħol f’din ir-residenza. Huwa mifhum li f’din l-istess residenza hemm għadd ta’ każijiet ta’ Covid-19, bl-isess piż qiegħed jinħass f’għadd ta’ residenzi madwar Malta u Għawdex, inkuż San Vinċenz.
Fl-aħħar sigħat kienu għadd ta’ spiżjara li tkellmu ma’ Net News fejn qalulna li se jkollhom jagħlqu l-ispiżeriji tagħhom minħabba li spiċċaw fi kwarantina jew pożittivi għall-Coronavirus. Dan kollu jkompli jitfa’ piż fuq is-settur tas-saħħa, dan hekk kif qed ikun antiċipat li issa n-nies se jkunu qed jikkonkorru għall-isptar biex jixtru jew jieħdu l-aktar servizzi bażiċi.
//= $special ?>