Huma ħafna sidien u managers ta’ għadd ta’ ristoranti li tkellmu ma’ Net News dwar kif is-sitwazzjoni preżenti, bil-każijiet tal-Covid-19 kull ma jmur dejjem qed jiżdiedu, laqtithom b’mod ħażin.
Huma infatti qalu magħna li għal-lejliet l-Ewwel tas-Sena u anki għal jum l-Ewwel tas-Sena ħafna ħassru r-riservazzjonijiet tagħhom, bir-ristoranti jkunu kostretti li jew ma jiftħux jew anki jnaqqsu l-ammont ta’ ħaddiema li se jkunu qed jaħdmu f’dawn il-jiem.
Id-daqqa fuq ir-ristoranti u l-ħwienet ilha tinħass mhux ħażin, bl-Assoċjazzjoni tal-Istabbilimenti tal-Catering fl-aħħar jiem permezz ta’ stqarrija kienet qalet li l-istaff parties prattikament għosfru u ż-żieda qawwija tal-każi tal-Covid-19 qed tħalli impatt sever fuq din l-industrija.
Kien spjegat li sa ftit tal-ġimgħat ilu l-industrija kienet qabdet spinta serja ‘l quddiem madanakollu b’dak kollu li qiegħed iseħħ fl-aħħar jiem l-istaġun ta’ festi ftit ftit beda jieħu majnata għall-istabbilimenti u ristoranti.
Il-persuni li tkellmu magħna qalulna li ħafna kienu qed jitolbu għal pjan konkret għas-sitwazzjoni preżenti iżda dan il-pjan qatt ma wasal, bil-Gvern jibqa’ jkaxkar saqajh fuq numru ta’ materji, bir-riperkussjoniijet qed jinġarru mis-sidien u l-ħaddiema.
Fl-aħħar jiem ukoll issoktaw l-appelli biex il-wage supplement ikun estiż għall-Marzu, bil-Gvern jagħżel li ma jismax minn għadd ta’ enitatjiet u wisq anqas mill-Partit Nazzjonalista biex dan is-suppliment ikun imġedded sa Marzu.
Dwar din l-inċertezza u n-nuqqas ta’ pjan kienet tkellmet ukoll l-MHRA fejn talbet għall-pjan u gwida mill-Gvern għas-settur tal-ospitalità. L-Assoċjazzjoni tal-Lukandi u r-Ristoranti saħqet li dan iż-żmien ta’ festi kien l-unika żmien fejn dan is-settur seta’ jirkupra ftit it-telf li għamel tul din is-sena… fir-realtà iżda ġara kompletament l-oppost… bid-daqqa fuq dan is-settur kompliet tikber.
Qabel il-Milied Net News kellu l-opportunità li jsaqsi lill-Ministru tat-Turiżmu għal pjan, bi Clayton Bartolo jagħżel jew li jirredikola d-domanda u t-tħassib ta’ dawk fis-settur u kif ukoll qalilna li l-pjan issibu madwar il-mejda….
Madankollu anki meta saqsejna l-MEA jekk il-Gvern iltaqax magħhom f’dawn iż-żminijiet…. it-tweġiba kienet ċara… li l-Gvern sa issa għadu ma kkonsultax magħhom.
//= $special ?>