Repubblika fi stqarrija rringrazzjat lill-uffiċji tal-Awditur Ġenerali, tal-Kummissarju għall-Istandards u tal-Ombudsman għas-servizz li qed jagħtu favur il-ħarsien u l-promozzjoni tas-saltna tad-dritt.
Huma ħadu l-okkażjoni tal-aħħar tas-sena biex juru pubblikament l-apprezzament lejn dawn l-istituzzjonijiet li għadhom josservaw il-ġurament tal-ħatra li ħadu.
Ingħata r-radd il-ħajr ukoll lil dawk il-ġurnalisti u dawk il-meżżi tax-xandir li l-unika lealtà li għandhom hija lejn il-verità u lejn is-sewwa.
Intwera wkoll l-apprezzament għal dawk l-individwi li minkejja li l-kapijiet tal-istituzzjonijiet tagħhom inxtraw, għadhom iwettqu d-dmirijiet tagħhom lejn l-Istat u lejn is-sewwa.
Repubblika irringrazzjat wkoll lill-għaqdiet u liċ-ċittadini li huma impenjati favur is-saltna tad-dritt, il-ħarsien tad-drittijiet tal-bniedem, it-tisħiħ tas-sewwa u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni f’pajjiżna u qalet li Repubblika se ġġedded l-impenn tagħha favur is-saltna d-dritt u tistqarr li se tkun aktar impenjata f’din il-ġlieda matul is-sena li ġejja.
//= $special ?>