Internazzjonali

Russja-Stati Uniti: Twissijiet u tensjoni relatati mal-kriżi tal-Ukrajna

Il-President tar-Russja Vladimir Putin wissa lill-President tal-Istati Uniti Joe Biden li l-impożizzjoni tas-sanzjonijiet ġodda fuq Moska għandha twassal għax-xoljiment sħiħ tar-relazzjonijiet ma’ Washington.

Il-messaġġ xott ta’ Putin kien ikkonfermat waqt telefonata bejn il-President Russu u Joe Biden. Dan fi żmien meta l-Istati Uniti qed tesprimi l-inkwiet tagħha dwar xi azzjoni aggressiva kontra l-Ukrajna min-naħa tar-Russja.

Putin enfasizza li kwalunkwe sanzjonijiet kontra pajjiżu fid-dawl tas-sitwazzjoni ikunu żball kolossali li jwasslu għal ċirkustanzi li minnhom mhu se jirbaħ ħadd.

Min-naħa tiegħu, il-President Biden, waqt it-telefonata, qal lil Putin li l-Istati Uniti u l-alleati għandhom jieħdu azzjoni deċiżiva f’każ li t-truppi tar-Russja – li fl-aħħar xhur kienu qed jinġemgħu mal-fruntiera mal-Ukrajna – jispiċċaw jinvadu l-artijiet tal-ġar.

Id-diskors bejn Biden u Putin kien l-aħħar tentattiv biex tonqos it-tensjoni mal-fruntiera tal-Ukrajna mar-Russja fejn sallum inġabru ‘il fuq minn 100,000 membru tal-militar Russu.

Is-sitwazzjoni allarmat lill-Punent li wissiet lil Putin li pajjiżu kapaċi jkun suġġett għal sanzjonijiet li ħadd qatt ma ra bħalhom f’każ li l-Ukrajna tispiċċa attakkata.

Madankollu, ir-Russja għadha tinsisti li mgħandhiex pjani biex tinvadi lill-Ukrajna u qed tgħid ukoll li t-truppi fiz-zona ta’ dik il-fruntiera huma hemm biex sempliċiment jieħdu sehem fl-eżerċizzji militari.