Lokali

F’idejk il-muftieħ għal ġejjieni aħjar – Bernard Grech

Fl-2022, irridu nkomplu nibnu fuq il-bżulija, fuq il-qalb tajba u fuq il-ħniena li dejjem urejna ma’ xulxin.

Dan kien l-impenn li l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech ippreżenta fil-Messaġġ tiegħu għal din is-Sena l-Ġdida.

Bernard Grech qal li lkoll kemm aħna rridu Malta li tassew tippremja l-bżulija u x-xogħol onest, li tenna li għandu jkun il-pedament ta’ kollox. Kif ukoll li min jistinka għandu jasal u min għandu idea tajba, iżda m’għandux il-mezzi biex jasal, għandu jkun mgħejjun biex iwettaqha.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista kompla li x-xogħol ta’ kull wieħed minna għandu jingħata valur u jkun stmat. Għaldaqstant, qal li jrid li pajjiżna jinvesti kemm hemm bżonn biex ix-xogħol ta’ kull Malti u Għawdxi jibda jitħallas aktar milli qed jitħallas illum.

Bernard Grech qal li ninsabu fuq l-għatba ta’ rivoluzzjoni diġitali, bl-użu akbar u aktar effiċjenti tal-intelliġenza artifiċjali għandu joffrilna l-opportunità nrawmu l-ħaddiema ħali dawn itejbu l-ħiliet tagħhom u javvanzaw fil-karrieri tagħhom.

Fl-istess waqt, tenna l-importanza li nagħtu aktar valur lil professjonisti għall-edukaturi u l-infermieri, kif ukoll lil impjegati tekniċi li mingħajrhom l-ebda soċjetà moderna ma tkun tista’ tkompli tikber u tissaħħaħ.

Fid-dawl tal-pandemija – li għadha magħna – il-Kap tal-Partit Nazzjonalista fakkar fil-ħajjiet prezzjużi li nħatfu qabel iż-żmien, kif ukoll fl-eluf li naqsilhom il-livell ta’ għajxien jew il-kwalità tal-ħajja tagħhom.

Bernard Grech temm billi ġedded l-impenn tiegħu li – bħala Kap tal-Partit Nazzjonalista – iwettaq l-ambizzjonijiet tal-familji Maltin u Għawdxin.