Lokali

Victor Calvagna hu “brain dead” – martu Carmen

It-Tabib Victor Calvagna hu “brain dead”. “Nitolbu lill-Mulej jilqgħu fi ħdanu”.

Kliem Carmen Calvagna, mart it-Tabib u Chairman tal-Fondazzjoni Puttinu Cares. Dan wara t-testijiet tal-MRI li sarulu jumejn wara l-inċident tat-Tlieta li għadda fil-Qawra, fejn intlaqat minn vettura.

Carmen spjegat li għaldaqstant, se jitwaqqaf kull forma ta’ trattament mediku li qed jingħata wara li kien iddikjarat li baqa’ f’qagħda kritika fit-Taqsima tal-Kura Intensiva.

Appell għat-talb wasal ukoll mingħand Francesca, bint Victor, li fuq il-media soċjali kitbet li tinsab b’qalbha maqsuma, għalkemm riedet tibqa’ tittama sal-aħħar.

Sa minn x’ħin sar magħruf li seħħ l-inċident, eluf ta’ Maltin u Għawdxin kitbu messaġġi ta’ kuraġġ u talb għall-fejqan ta’ malajr tat-Tabib Calvagna, li ddeskrivewh bħala eroj li salva diversi tfal mill-marda qerrieda tal-kanċer.