Żewġt irġiel inżammu arrestati wara li ġew akkużati li f’Ottubru serqu madwar €400,000 minn ġojjellerija f’Ħ’Attard. Josuel Farrugia ta’ 40 sena mill-Qrendi u Anthony Rapa ta’ 52 sena mill-Imtarfa tressqu l-Qorti quddiem il-maġistrat Ian Farrugia, akkużati b’serq aggravat, ħsara kriminali, u fil-każ ta’ Josuel Farrugia, li huwa reċidiv.
Il-ħanut inkwistjoni kien insteraq fit-28 ta’ Ottubru minn żewġt irġiel b’maskra, li ħarġu bis-safe u €400,000. L-Ispettur Joseph Mercieca, li qed imexxi l-prosekuzzjoni flimkien mal-Ispettur Christabel Chetcuti, qal lill-Qorti li l-pulizija għarfu lil Rapa minn filmati miġbura minn CCTV cameras kemm ġewwa kif ukoll barra l-ħanut.
Wara l-arrest ta’ Rapa, aktar investigazzjonijiet fuq Tata Indica bla liċenzja li dehret fil-filmati, kienu wasslu għall-arrest ta’ Farrugia. L-Avukat Daniel Attard ikkontesta l-validità tal-arrest, f’isem il-klijent tiegħu, Rapa. Ma kien hemm l-ebda evidenza ċara għaliex ġie arrestat, qal l-avukat.
“Qed nikkontestaw l-evidenza kollha u l-arrest peress li ma kien hemm l-ebda suspett raġonevoli biex il-klijent tiegħi jiġi akkużat.” Attard sostna li ma kien hemm xejn li jindika Rapa fil-filmati. “Rajt is-CCTV. Hemm persuna b’wiċċu mgħotti.”
Il-Qorti iżda qalet li kienet sodisfatta li l-arrest kien validu. Rapa, li qal li kien bla xogħol, wieġeb mhux ħati tal-akkużi. Farrugia, watchman, wieġeb mhux ħati wkoll. L-akkużat talab il-ħelsien mill-arrest. Dan kien oġġezzjonat mill-prosekuzzjoni, li qalet li kien hemm provi li jindikaw assistenza minn terza persuna b’għarfien minn ġewwa tal-ħanut.
Il-prosekuzzjoni ammettiet, madankollu, li l-irġiel kienu ilhom ħames ġimgħat fuq police bail wara li ġew arrestati u ma ppruvaw javviċinaw l-ebda xhieda jew jiksru l-kundizzjonijiet tal-libertà proviżorja tagħhom. Il-pulizija kienet ħadet tliet dikjarazzjonijiet meħuda mingħand Rapa, semgħet il-Qorti.
Rapa ma wieġeb l-ebda mistoqsija, ammetta d-difiża, iżda l-mistoqsijiet stess indikaw lill-vittma u madankollu ma sar l-ebda tentattiv biex javviċina lill-vittma, sostna Attard. L-Avukat Joe Sammut għal Josuel Farrugia, qal ukoll lill-Qorti li ma deher li ma kien hemm l-ebda attentat biex javviċina lix-xhieda jew lill-vittma waqt li kien fuq il-libertà proviżorja tal-pulizija.
“M’għandhomx jiġu mċaħħda mil-libertà tagħhom,” qal. Min-naħa tiegħu, l-Avukat parte civile David Farrugia Sacco fakkar fil-Qorti li kien hemm possibbiltà kbira li jkunu involuti terzi persuni. Il-Qorti staqsiet jekk kienx hemm xi indikazzjonijiet ta’ involviment ta’ terzi, iżda l-ispettur qal li f’dan il-punt kien hemm biss suspetti.
Wara li rtira fis-sigrieta biex jiddelibera fuq libertà proviżorja, il-maġistrat qal li l-investigazzjoni kienet waħda intensa u r-reat kien serju, hekk kif l-akkużati llum mhux biss kienu suspettati iżda issa akkużati b’reat, li żiedu dimensjoni ġdida lill-każ. Il-libertà proviżorja ġiet miċħuda.
//= $special ?>