Diversi bliet madwar id-dinja sellmu l-bidu tas-sena 2022 – sena li fiha kulħadd qed jittama li nirritornaw għan-normalità ta’ qabel il-pandemija, u ħajjitna terġa’ tibda miexja mingħajr il-ħsieb ta’ mard u infezzjonijiet kawża tal-Covid.
Fost l-akbar spettakli kien hemm dak li twassal minn fuq it-Thames fil-qalba ta’ Londra, bl-użu ta’ drones li akkumpanjaw il-mużika, kant ta’ korijiet u wirja ta’ logħob tan-nar. Dan filwaqt li l-Big Ben, għall-ewwel darba mill-bidu tar-restawr fl-2017, daqq it-tokki ta’ nofs il-lejl bil-faċċati kollha tal-arloġġ mikxufin u restawrati.
F’Sydney ukoll sar l-ispattaklu ta’ Lejlet l-Ewwel tas-Sena mill-port, filwaqt li fi New York kien hemm iċ-ċelebrazzjonijiet f’Times Square b’limitu ta’ nies minħabba r-restrizzjonijiet tal-pandemija.

Intant fl-Italja kienu rappurtati diversi inċidenti minħabba li persuni xtraw logħob tan-nar illegali u ħarquh bla permess.
Il-media Taljana qed tirrapporta li raġel minn Taranto tilef idejh, filwaqt fiz-zona ta’ Ascoli kien hemm żagħżugħ illi weġġa’ gravi fil-Lejl tal-Ewwel tas-Sena għall-istess raġunijiet.
Dan filwaqt li f’Napli, il-pumpieri kellhom jissejħu f’żewġ appartamenti wara li dawn ħadu n-nar bil-murtali żgħar li bdew jisparaw mill-idejn.
//= $special ?>