“Farsa tas-seklu.”
“Ma nafx għandix nidħaq jew nibki.”
“Deċiżjonijiet vojta għall-aħħar.”
Dawn kienu r-reazzjonijiet ta’ ħafna ġenituri wara li tħabbar li t-tfal se jibdew l-ewwel jumejn tat-terminu skolastiku ta’ wara l-vaganzi tal-Milied online, biex umbagħad se jirritornaw fil-klassijiet fl-10 ta’ Jannar … sitwazzjoni li qed toħloqilhom inċertezza qawwija.
Fil-fatt, ħafna ma jistgħux jifhmu għaliex it-tfal se jagħmlu jumejn isegwu l-lezzjonijiet online, bil-mistoqsija tkun waħda … “il-virus se jisparixxi fi żmien jumejn?”
Fuq il-media soċjali, ġenitur ieħor kiteb li kien jifhem li kieku t-fal jintalbu jibqgħu d-dar u jsegwu l-lezzjonijiet online għal madwar ġimagħtejn sakemm l-għadd tal-każi possibbilment jerġa’ jibda nieżel, iżda ma jistax jifhem l-iskop ta’ jumejn biss.
Oħrajn staqsew kif tfal li jinqabdu fi kwarantina obligatorja se jkunu jistgħu isegwu l-lezzjonijiet ladarba dawn ikomplu fil-klassijiet.
Fuq kollox, il-ġenituri innutaw kif minkejja li l-Ministeru tal-Edukazzjoni issa qed jitmexxa mir-raba’ Ministru f’erba’ snin, huma xorta qed jitħallew fil-limbu minkejja li l-Iskejjel li s-sena skolastika se tkompli fi ftit ġranet oħra.
Dan kollu qed joħloq konfużjoni sħiħa, partikolarment fost il-ġenituri li jaħdmu u li għadhom mhux ċerti jekk uliedhom hux se jidħlu fiżikament l-Iskola jew le.
Matul il-jum tal-Ġimgħa saret laqgħa bejn Uffiċjali tal-Ministeru tal-Edukazzjoni u rappreżentanti mit-tliet setturi edukattivi – tal-Iskejjel tal-Istat, tal-Iskejjel tal-Knisja u tal-Iskejjel Indipendenti – flimkien mal-MUT u li fi tmiemha tħabbar li s-sitwazzjoni preżenti fl-iskejjel u fil-klassijiet se tibqa’ tiġi evalwata minn jum għall-ieħor skont il-pariri tal-awtoritajiet tas-saħħa.
Min-naħa l-oħra, l-Università ta’ Malta se tiftaħ il-bibien b’mod normali għas-sessjonijiet ta’ tagħlim prattiku fit-3 ta’ Jannar, bl-Istudenti Universitarji għadhom ma jafux kif se jsiru l-eżamijiet ta’ Jannar għax għadhom mingħajr tweġiba.
//= $special ?>