Internazzjonali

Jingħata l-Aħħar Tislima l-Arċisqof Desmond Tutu

Fil-Katidral Anglikan ta’ Cape Town, iddedikat għal San Ġorġ, ingħatat l-Aħħar Tislima f’Funeral Statali lill-Arċisqof Desmond Tutu, li miet il-ġimgħa li għaddiet fl-età ta’ 90 sena. Hu jibqa’ magħruf bħala ġgant fil-ġlieda kontra l-apartheid, li għaliha hu rebaħ il-Premju Nobel għall-Paċi fl-1984.

Il-Funeral wassal fi tmiemhom għadd ta’ ġranet ta’ luttu, li matulhom mijiet sellmu lill-Arċisqof Tutu anke b’kant u tqegħid ta’ fjuri. Matul iċ-ċelebrazzjoni, hu kien deskritt bħala dak li xerred id-dawl ta’ Kristu – xi ħaġa li qatt ma waqaf jagħmel, anke jekk kellu età kbira.

Min-naħa tiegħu, il-President tal-Afrika ta’ Isfel Cyril Ramaphosa ddeskrivieh bħala “l-Missier Spiritwali tal-pajjiż”. Hu qal li l-Arċisqof Tutu kien ukoll “ġellied għal-libertà, il-ġustizzja, l-ugwaljanza u l-paċi, mhux biss fl-Afrika ta’ Isfel, iżda mad-dinja kollha”.

Matul ħajtu, l-Arċisqof kien jinsisti li fil-Funeral tiegħu m’għandhomx jintefqu ħafna flus, tant li ried l-aktar tebut sempliċi possibbli. Barra minhekk, hu kien xtaq ukoll li l-uniċi fjuri fil-Katidral kellhom ikunu qronfol li telgħu fir-residenzi tal-familja tiegħu.

Għaċ-ċerimonja attendew biss il-qraba mmexxija minn martu Nomalizo Leah, kif ukoll ħbieb, membri tal-Kleru u l-ogħla awtoritajiet tal-pajjiż minħabba restrizzjonijiet ta’ limitu ta’ persuni kawża tal-pandemija.