Lokali Qorti

Raġel akkużat li pprova joqtol lil oħtu jinżamm arrestat

Raġel ta’ 54 sena nżamm taħt arrest preventiv lejlet l-Ewwel tas-Sena wara inċident vjolenti ma’ oħtu li wasslu l-Qorti biex jiffaċċja akkużi ta’ attentat ta’ omiċidju. Ir-raġel resident tal-Kalkara, li ismu qed jinżamm milli jiġi pubblikat biex tiġi ssalvagwardjata l-identità tal-allegata vittma tiegħu, ġie skortat il-Qorti l-Ġimgħa wara l-episodju vjolenti li seħħ fix-Xgħajra l-Ħamis filgħodu għall-ħabta tal-10am.

Il-vjolenza kienet allegatament ikkawżata minn tilwima bejn iż-żewġ aħwa dwar kamra li l-akkużat kera lil oħtu. L-inċident wassal għall-arrest tar-raġel il-Ġimgħa fuq akkużi ta’ attentat ta’ omiċidju, li kkaġuna ġrieħi ħfief lil oħtu, li insulta u heddidha lil hinn mil-limiti ta’ provokazzjoni kif ukoll li volontarjament għamel ħsara lil proprjetà ta’ terzi.

Ir-raġel kien akkużat ukoll li sewqan perikoluż, kiser il-paċi pubblika, fastidju lill-allegata vittma tiegħu kif ukoll li eżerċita dritt preti. Ir-raġel wieġeb mhux ħati. Talba għall-ħelsien mill-arrest ġiet miċħuda mill-Qorti, ippreseduta mill-Maġistrat Charmaine Galea, fid-dawl tal-gravità tal-akkużi kif ukoll ir-riskju reali ta’ tbagħbis tal-provi.

B’hekk l-akkużat inżamm arrestat. L-Ispetturi Audrey Micallef u Clayton Camilleri mexxew il-prosekuzzjoni, assistiti mill-avukat fl-uffiċċju tal-AĠ George Camilleri. L-avukati Ishmael Psaila u Maxine Gatt kienu l-avukati difensuri. L-Avukat Arthur Azzopardi deher parte civile.