Internazzjonali

Afrika t’Isfel: Il-bini tal-Parlament maħkum min-nirien

Nirien kbar li qabdu fil-bini tal-Parlament f’CapeTown ħallew il-ħsarat kbar fil-kumpless għalkemm mhux mifhum li kien hemm il-vittmi. Intant, ir-rapporti qalu li raġel inżamm mill-pulizija u li hu kien qed  jgħin fl-istħarriġ dwar il-każ.

Il-President tal-Afrika t’Isfel, Cyril Ramaphosa mar fuq il-post fl-aħħar sigħat u fejn fisser in-nirien bħala inċident ‘terribbli u devastanti’. Jidher ukoll li kien hemm problema fis-sistema tas-sprinklers fil-bini tal-Parlament bir-riżultat li s-sistema ( għal dawn it-tipi ta’ emerġenza) ma funzjonatx kif suppost.

In-nirien qabdu proprju jum wara l-funeral statali tal-Arċisqof Desmond Tutu li sar fil-Katidral iddedikat lil san Ġorġ, qrib il-bini tal-Parlament.

Min-naħa tiegħu, il-President Ramaphosa faħħar lill-iskwadri għall-emerġenzi li intervjenew fi spazju ta’ minuti u li salvaw il-bini tal-assemblea ‘milli tispiċċa f’munzell sħiħ ta’ ġmied u tifrik’. Sadanittant, għexieren ta’ firefighters kellhom biċċa xogħol diffiċli biex jikkumbattu l-fjammi li ħakmu lill-kumpless tal-Parlament li ġarrab il-ħsarat sostanzjali u anki, f’xi każi, irreparabbli.

Kien stabbilit li n-nirien qabdu fit-tielet sular tal-bini, bil-fjammi jinfirxu għall-kamra t’isfel tal-Parlament – jew l-Assemblea Nazzjonali. Intant,għad ma hemm l-ebda indikazzjonijiet dwar ‘il-kaġun konkret’ ta’ dan l-inċident.