Lokali

Attent li ma tingidimx minn messaġġi qarrieqa

Numru ta’ persuni qed jirċievu messaġġi qarrieqa, b’ħafna jingidmu minnhom hekk kif il-messaġġi jintbagħtu f’isem kumpaniji Maltin u jkunu diffiċli li tiddentifika humiex veritira.

Wieħed mill-messaġġi li wasal għand Net News jgħid li wieħed mhux se jkun qed jirċievi pakkett partikolari bil-posta qabel jitħallas l-ammont ta’ €2.59c lil MaltaPost… liema messaġġ hu wieħed falz bl-għan li jinsterqu ammonti kbar ta’ flus.

Meta wieħed jirċievi messaġġi bħal dawn, fejn il-MaltaPost tindikalek biex tehmeż link sabiex tirranġa dwar posta li tkun qiegħed tistenna, importanti li tinjora u tħassar il-messaġġ immedjatament. Wara għandu jsir kuntatt mal-kumpanija konċernata u wkoll mal-Pulizija u ma jitħalsu ebda pagamenti qabel ikun hemm konferma li dawn ma jkunux messaġġi qarrieqa.

MaltaPost spjegat li għal xhur sħaħ xi persuni qed jibgħatu messaġġi fażulli lill-konsumaturi bil-għan li jingannawhom u jisiltulhom id-dettalji bankarji tagħhom.

MaltaPost tfakkar li hija ma tikkomunikax mal-konsumaturi permezz ta’ SMS u insistiet li dawn il-messaġġi huma fażulli.