Lokali

“Calvagna qatt m’għamilha sal-aħħar tal-10km magħna” – atleta jesprimi x-xokk tiegħu

L-aħbar tal-inċident tat-tabib Victor Calvagna baqgħet ta’ ħasda fuq ħafna… b’mod speċjali din l-aħbar ħasdet lil grupp ta’ atleti li kienu qed jiġru 10 kilometri flimkien mat-tabib.

F’intervista li għamel iż-żagħżugħ, Jacob Darmanin ma’ Times of Malta, hu rrakkonta dak kollu li għaddew minnu meta Calvagna qatt ma wasal sat-tmiem tal-maratona li kienu qed jagħmlu.

Darmanin qal li l-grupp, bħalma dejjem kien jiġri, jinqasam fi gruppi iżgħar hekk kif uħud jagħġġlu l-pass iktar minn oħrajn.

Kien wara li waslu fi tmiem il-maratona u bdew jagħmlu xi eżerċizzju meta tqajjem tħassib bejn l-atleti kollha hekk kif innotaw li l-grupp ta’ Calvagna qatt ma wasal sal-aħħar tal-10 kilometri… iżda qatt ma immaġinaw li t-tabib spiċċa jiġġieled għal ħajtu wara li kien imtajjar minn vettura.

Din il-maratona kienet parti minn sezzjoni ta’ rutina li l-grupp, madwar 24 persuna, kien jagħmel mill-Qawra sa Triq il-Kosta, u lura… sezzjoni li sfortunatament spiċċat fi traġedja hekk kif Calvagna spiċċa jissielet għal ħajtu fit-Taqsima tal-Kura Intensiva, b’martu tħabbar li spiċċa 95% brain dead.

Jiem wara dan l-inċident, Darmanin għadu ma jistax jemmen b’dak li seħħ… b’Darmanin iħares lejn Calvagna bħala ‘role model’ hekk kif mhux biss ispirah li jibda jitħarreġ iżda wkoll jistudja biex isir tabib bħalu.

Lejliet l-Ewwel tas-sena bint il-Professur Calvagna, Francesca qalet li hi diġà sellmet lil missierha, għalkemm jibqa’ tama żgħira li jseħħ miraklu.

Dan filwaqt li appellat biex kulħadd iżomm lil missierha fit-talb tiegħu u rreferiet għal missierha bħala eroj – professjonist li l-legat tiegħu jibqa’ mnaqqax fil-karità u l-imħabba lejn il-proxxmu.

Calvagna mhuwiex biss tabib fl-Isptar Mater Dei, imma huwa wkoll il-fundatur u ċ-Chairman tal-Fondazzjoni Puttinu Cares.