Il-linji tal-ajru u l-ajruporti fl-Istati Uniti qed jirrappurtaw sitwazzjoni allarmanti għall-industrija tagħhom. Dan meta fl-aħħar jiem tħassru ammont rekord ta’ titjiriet ibbukkjati għall-istaġun tal-Milied minħabba l-impatt tal-Covid-19 u l-varjant Afrikan ‘Omicron’.
Il-maltemp hu wkoll fattur importanti f’din is-sitwazzjoni meta nhar is-Sibt – Jum l-Ewwel tas-Sena – tħassru mal-4,400 titjira madwar id-dinja,b’aktar min-nofshom ikunu konfermati fl-Istati Uniti.
Il-linji tal-ajru anki qed jiffaċċjaw problema kbira biex ikollhom biżżejjed staff u membri tal-ekwipaġġ fuq standby minħabba li ħafna mill-impjegati mardu bil-Covid inkella jinsabu fi kwartantina. Fl-Ewwel tas-Sena, fl-Istati Uniti tħassru ‘il fuq minn 1,000 titjira mill-ajruporti ta’ O’Hare u Midway f’Chicago.
Intant, mistenni aktar kaos u konfużjoni f’dak kollu li kellu x’jaqsam mat-titjiriet u meta n-nies qed iħejju biex jirritornaw lura d-dar jew lejn ix-xogħol wara l-btajjel tal-Milied.
Dan ukoll fost tbassir ta’ borra kontinwa u rwiefen matul is-sigħat li jmiss.
Mill-24 ta’ Diċembru ‘il hawn tħassru aktar minn 12,000 titjira fl-Istati Uniti. Dan waqt li l-unions qed jgħidu li l-ħaddiema tagħhom qed jibżgħu li ‘jimirdu huma wkoll bil-Covid’ u meta lanqas ma jridu jikkonfrontaw ‘lill-passiġġieri rrabjati.’
L-Istati Uniti, fil-preżent, qed tiffaċċja spinta fil-każi tal-Covid, u b’mod speċifiku tal-varjant ‘Omicron’.
Il-belt ta’ New York ikkonfermat il-każi rekord ta’ infezzjonijiet minkejja r-rati tal-vaċċinazzjoni għoljin, bl-impatt tal-virus qed jolqot fost oħrajn il-ħidma tal-pulizija u l-wirjiet fit-teatri ta’ Broadway. Madankollu ma jidhirx li kien hemm spinta fil-pazjenti li jeħtieġu trattament l-isptar, għalkemm is-sitwazzjoni ġenerali qed titqies bħala uġigħ ta’ ras kbira għal Eric Adams li għadu kemm laħaq bħala Sindku ta’ New York.
Sadanittant, il-Gvern Ingliż ikkonferma li l-maskri jridu jintlibsu ‘bilfors’ fil-klassijiet tal-iskejjel sekondarji tal-Ingilterra. Dan fost it-tħassib dwar il-firxa tal-Omicron, bir-reintroduzzjoni tal-maskri għall-istudenti qed titqies bħala miżura proviżorja fid-dawl tal-aħħar żviluppi. Intant, l-istudenti qed jirriturnaw lura l-iskola wara l-btajjel u fejn se jkollhom il-kuntatti regolari ma’ xulxin.
Hu minnu wkoll li diversi unions tal-istaff tal-iskejjel insistew għal azzjoni urġenti mill-awtoritajiet li għandha tillimita l-firxa tal-virus. Il-kelliema wissew li l-eżamijiet, fuq bażi nazzjonali, kapaċi jkunu ‘perikolati’ f’każ li ma jittieħdux aktar regoli tas-sigurtà fl-Ingilterra.
Qabel illum, l-Ingilterra kienet l-unika fost l-erba’ pajjiżi tar-Renju Unit fejn il-maskri ma kenux irrakkmandati għall-istudenti fil-klassijiet — u meta l-għalliema għadhom mhumiex obbligati li jilbsuhom taħt il-linji gwida l-ġodda.
//= $special ?>