Futbol Sport

Draw spettakolari bejn Chelsea u Liverpool – u li minnu jgawdu Man City

(Ritratt: EPA)

Chelsea u Liverpool spiċċaw fi draw, 2-2, fi Stamford Bridge u fejn id-90 minuta ipproduċew gelgul ta’ azzjonijiet fuq iż-żewġ lasti – bl-erba’ gowls jaslu kollha fl-ewwel taqsima fejn iż-żewġ tims xeħtu kollox fuq l-attakk. Iżda waqt li l-logħba bir-raġun għandha titqies fost l-isbaħ tal-istaġun, ir-riżultat ma ssodisfa lill-ebda naħa – bil-vera rebbieħa tas-serata jkunu ċ-Champions Ingliżi, Manchester City, li jinsabu b’vantaġġ ta’ għaxar punti fuq Chelsea (it-tieni tim) grazzi għar-rebħa sofferta fuq Arsenal f’Jum l-Ewwel tas-Sena. Intant il-konfront fi Stamford Bridge kien l-aqwa reklam għall-ogħla kampjonat Ingliż – b’Chelsea jirkupraw żvantaġġ doppju fi spazju ta’ ftit minuti wara sensiela ta’ attakki veloċi li ħallew lill-partitarji preżenti mingħajr nifs. Liverpool marru fil-vantaġġ meta Sadio MANE (9) – li jista’ iħossu xxurtjat li (fil-bidu tal-logħba) ma ntweriex il-ħamra għal daqqa ta’ minkeb ċara fuq Cesar Azpilicueta – approfitta mill-iżball ta’ Chalobah biex jegħleb lill-gowlkiper Eduoard Mendy. Intant, il-prolifiku Mo SALAH għamilhom tnejn fis-26 minuta; b’dan ikun anki s-sittax-il gowl personali għall-attakkant Eġizzjan (fil-league) f’dan l-istaġun.

Chelsea, li niżlu għal din il-logħba mingħajr l-attakkant Romelu Lukaku ( li qed jiffaċċja azzjoni dixxiplinarja), dehru maħsuda iżda huma reġgħu daħlu fil-logħba b’volley stupend ta’ Mateo KOVACIC (42) – fejn il-ballun ħabat mal-lasta u spiċċa fix-xibka ta’ Caoimhin Kelleher li kien qed jilgħab minflok il-gowlkiper regolari Allison li jinsab iżolat b’konsegwenza tal-Covid. U sekondi qabel il-mistrieħ, Chelsea kisbu parità minn Christian PULISIC (45+1) li sammar ġewwa wara li spiċċa waħdu quddiem Kelleher fuq l-assist ta’ Kante. Il-logħba baqgħet eċċitanti fit-tieni taqsima, bil-gowlkiper ta’ Chelsea, Mendy, iwettaq saves diffiċli fuq it-tentattivi ta’ Salah u Mane – u b’Kellher isalva x-xutt b’saħħtu iżda ċentrali ta’ Pulisic Id-draw finali, intant, ifisser li Liverpool jinsabu t-tielet fil-klassifika, b’punt anqas minn Chelsea iżda anki b’logħba anqas mill-Blues u s-Citizens.

Leeds United temmew sekwenza negattiva b’rebħa tajba, 3-1 fuq Burnley f’Elland Road u għal riżultat li daħħal lill-Clarets f’baħar ta’ inkwiet lejn in-naħa t’isfel tal-klassifika. Leeds, li kienu ilhom tliet logħbiet mingħajr rebħa, ħarġu determinati u kisbu l-vantaġġ minn Jack HARRISON (39) qabel il-mistrieħ.It-tim ta’ Yorkshire kompla juri l-aħjar ideat anki fit-tieni taqsima iżda fil-54 minuta waslet id-doċċa kiesħa mis-sostitut Maxwel CORNET li għamilhom 1-1 bi freekick stupend għar-rokna tax-xibka. Leeds baqgħu jemmnu u, 13-il minuta mit-tmiem, Stuart DALLAS reġa’ sab ix-xibka bi ġmiel ta’ xutt li xxellef għal ġewwa minn ma’ difensur, u bil-gowlkiper Hennessey iħares. Fil-ħin miżjud (92) kien imiss lil Daniel JAMES li jniżżel ismu mal-iskorers ta’ Leeds, bil-ballun jispiċċa ġewwa wara li Hennessey deher isalva parzjalment id-daqqa ta’ ras mill-attakkant ta’ Wales. B’din ir-rebħa Leeds komplew jitbiegħdu miz-zona l-ħamra waqt li Burnley jinsabu t-tielet mill-aħħar bi 11-il punt biss minn 17-il logħba.

Brentford irnexxielhom idawwru telfa f’rebħa meta rkupraw żvantaġġ bikri ma’ Aston Villa b’wirja determinata u b’mhux ftit tal-grinta. Il-Villains ħarġu fuq l-offensiva u Emi Buendia sab lil Danny INGS li kiseb il-vantaġġ għat-tim tiegħu fis-16-il minuta. Intant, il-Bees żiedu l-isforzi tagħhom u qabel il-mistrieħ kienu premjati meta Mads Roerslev ipprovda assist lil Yoane WISSA (43) li għamilhom 1-1 b’xutt bid-dawwra. It-tieni taqsima rat lil Villa jiddominaw lill-avversarji iżda l-aħħar kelma kienet ta’ Brentford meta ROERSLEV (83) sab ix-xibka mat-tieni tentattiv tiegħu u wara li Emi Martinez kien salva fil-fażi inizjali tal-azzjoni. B’hekk ukoll Brentford, issa, qabżu lill-istess Aston Villa fil-klassifika meta ż-żewġ tims jinsabu fit-12 u t-13-il post rispettivament.

Il-manager ta’ Everton Rafa Benitez jinsab taħt pressjoni kbira biex iżomm postu wara telfa oħra għat-Toffees f’darhom – din id-darba kontra Brighton and Hove Albion li qed ikollhom staġun mill-aktar brillanti u li jinsabu t-tmienja fil-Premier League. Il-bidu tal-konfront f’Goodison kien diżastruż għal Everton li sabu ruħhom 2-0 minn taħt wara biss 21 minuta. Kien Alexis MacALLISTER li fetaħ l-iskor fit-tielet minuta meta xeħet ġewwa wara t-tentattiv fuq il-lasta ta’ Neal Maupay. Fil-21 minuta, is-Seagulls irduppjaw meta d-difensur Dan BURN sab ruħu żmarkat qrib il-lasta u fejn ma kellux diffikultà biex jegħleb lil Pickford bir-ras għat-tieni darba. L-affarijiet komplew jiġu ħażin għal Everton li f’nofs l-ewwel taqsima tilfu penalty mogħti minn Dominic Calvert-Lewin li kien qed jirritorna fit-tim wara assenza twila.Il-penalty ingħata wara li r-referi, John Brooks, ikkonsulta mal-VAR wara d-daħla ta’ Mwepu fuq Anthony Gordon – iżda Calvert-Lewin spara banalment għoli mill-ħdax-il metru, Intant, gowl ta’ GORDON (53) fetaħ xaqq ta’ dawl għal Everton, bid-difensur Burn ikompli l-ballun għal ġewwa, Everton komplew jagħfsu u l-gowlkiper tas-Seagulls, Sanchez, wettaq save brillanti fuq ix-xutt bomba ta’ Allan li deher destinat għal ġewwa. Iżda tentattiv xejn anqas sabiħ minn MacAllister (71) ra l-ballun mill-ġdid fix-xibka ta’ Pickford għat-3-1, b’Gordon, jerġa’ inaqqas il-marġni għat-Toffees ħames minuti wara. Madankollu r-riżultat 3-2 baqa’ l-istess sal-finali, b’Gordon ma jirnexxilux jgħaqqad ħat-trick wara li tilef ċans tajjeb fl-aħħar ħinijiet.

PREMIER LEAGUE

Ilbieraħ: Arsenal v Man City 1-2, Leicester v Norwich posp., Watford v Tottenham 0-1, Crystal Palace v West Ham 2-3 Illum: Brentford v Aston Villa 2-1, Everton v Brighton 2-3, Leeds v Burnley 3-1, Southampton v Newcastle posp., Chelsea v Liverpool 2-2 Għada: Man Utd v Wolves 8.30pm