Knisja Lokali

F’Jum l-Epifanija: Tliet seminaristi jieħdu l-Ministeru tal-Akkolitat

Fl-ewwel Ħadd tas-sena il-Knisja f’Malta ċċelebrat il-Festa tal-Epifanija, il-festa li ħafna jafuha wkoll bħala il-festa tat-Tre Re.

Tul dan il-jum l-Arċisqof ta’ Malta ċċelebra din il-festa fil-Kon-Katidral ta’ San Ġwann fil-Belt Valletta fejn tul din il-quddiesa tliet seminaristi ingħataw il-Ministeru tal-Akkolitat.

It-tliet seminaristi huma Gylan Camilleri mill-Parroċċa ta’ Sant’Anna, Wied il-Għajn, Ian Diacono mill‑Parroċċa ta’ Stella Maris, Tas‑Sliema u Clive Seychell mill‑Parroċċa ta’ San Ġużepp, il‑Kalkara.

L-għoti tal-Ministeru tal-Akkolitat jimmarka pass ieħor importanti fil-mixja ta’ dawn iż-żgħażagħ lejn is-saċerdozju.

Tul l-omelija tiegħu l-Arċisqof spejga li bħala akkoliti huma se jingħatalhom l-uffiċċju li jgħinu lis-saċerdot u lid-djakni fil-qadi tal-ministeru tagħhom waqt iċ-ċelebrazzjoni tal-Ewkaristija, iqarbnu lil ħuthom Insara, fosthom ukoll lill-morda, jitħeġġu fl-imħabba personali tagħhom lejn l-Ewkaristija, u fuq kollox jgħixu b’mod li jkun jixirqilhom iservu fil-mejda tal-Mulej u tal-Knisja.