Lokali

Il-vittma identifikata bħala Paulina Dembska; l-allegat aggressur ġie arrestat mill-knisja tal-Balluta

Iż-żagħżugħ daħal iwerżaq fil-knisja tal-Karmnu, u għamel xenata sħiħa

Dokumenti li nstabu fiz-zona tad-delitt fi Ġnien l-Indipendenza f’Tas-Sliema jindikaw li l-vittma jisimha Paulina Dembska; tfajla Pollakka ta’ 29 sena li kienet tgħix Tas-Sliema stess – aħbar li ġabet niket kbir fost il-komunità Pollakka f’pajjiżna, filwaqt li ġiet ukoll rappurtata b’ċertu prominenza anke mill-media fil-Polonja.

Il-Pulizija bħalissa għaddejja bl-investigazzjonijiet fid-Depot fejn trid tiġi stabbilita r-rabta bejn it-tfajla u ż-żagħżugħ Malti ta’ 20 sena li ġie arrestat. Irid jiġi konfermat ukoll il-mottiv wara dan il-qtil.

Sorsi varji li tkellmu ma’ Net News qalulna li ż-żagħżugħ – li hu miż-Żejtun – ġie arrestat wara li dalgħodu daħal iwerżaq fil-knisja tal-Balluta. U mal-ewwel issejħu l-Pulizija li żammewh, u ħaduh id-Depot.

Il-katavru tal-vittma ttieħed fil-kamra mortwarja fejn qed isiru l-investigazzjonijiet forensiċi. Dan filwaqt li l-familja ta’ Dembska ġiet infurmata b’din it-traġedja tramite l-ambaxxata Maltija fil-Polonja.

Dwar il-każ infetħet inkjesta mmexxija mill-Maġistrat Astrid May Grima.

Intant, aktar kmieni wara nofsinhar tpoġġew fjuri u xemgħat fil-post fejn seħħ dan il-qtil.

Il-fatt li l-vittma kienet mara ġab miegħu ukoll mewġa ta’ kummenti fuq il-media soċjali, b’uħud jgħidu li dan huwa frott ta’ soċjetà li tħossha faċli għaliha tattakka mara. Dan hu sentiment li, inċidentalment, kien espress ukoll mill-Papa Franġisku nhar l-Ewwel tas-Sena meta fl-omelija ta’ Jum il-Paċi insista li d-dinja għadha tindirizza minnufih il-pjaga tal-vjolenza fuq in-nisa.