Coronavirus Lokali

Imutu żewġ persuni; jinstabu 747 każ ġdid ta’ Covid-19

Il-pandemija ħalliet żewġ vittmi oħra hekk kif fl-aħħar sigħat raġel ta’ 52 sena u ieħor ta’ 78 sena mietu kaġun tal-Covid-19. L-ammont ta’ mwiet kaġun tal-imxija huwa dak ta’ 479.

Bejn is-Sibt u l-Ħadd kellna 747 każ ġdid, bl-ammont ta’ każijiet attivi issa tela’ għal dak ta’ 12,688.

Min-naħa l-oħra, għalkemm baqa’ mhux jittieħed swab test ta’ konferma, il-Ministeru tas-Saħħa ħabbar fuq Facebook li fiequ 279 persuna oħra.

Kawża tal-pandemija, bħalissa hemm 110 persuna rikoverati fl-Isptar Mater Dei, fosthom sebgħa li jinsabu fit-Taqsima tal-Kura Intensiva. Dan ifisser li fl-aħħar sigħat kien hemm żieda ta’ 11-il persuna fl-isptar filwaqt li n-numru ta’ persuni fl-ITU baqa’ l-istess.

Sadanittant, fl-aħħar sigħat komplew l-ilmenti dwar id-dewmien għal appuntament tal-iswab test. Dan hekk kif ħafna persuni li għamlu kuntatt ma’ NET News spjegaw li ngħataw appuntament saħansitra ġimgħa jew anke 10 t’ijiem wara.

Oħrajn qed jikkummentaw – anke fuq il-media soċjali – dwar id-dewmien biex it-telefonati tagħhom lil-linja 111 ikunu mwieġba, b’uħud saħansitra qed juru li anke damu siegħa jew aktar fuq il-linja.

Min-naħa tagħhom, anke l-esperti u l-ħaddiema tas-settur mediku qed jisħu li qed tiżdied il-pressjoni fuqhom, tant li bil-kemm qed ilaħqu mal-pazjenti kollha rikoverati fl-Isptar.