Inġabret is-somma mill-isbaħ ta’ €1,409,085 waqt il-Festa ta’ Ġenerożità b’risq id-Dar tal-Providenza.
Din id-darba, il-maratona ttellghet fl-istudios ta’ Where’s Everybody, f’Ħal Qormi, biex jitnaqqas ir-riskju li r-residenti u l-ħaddiema tad-Dar tal-Providenza jkunu esposti għall-virus.
Matulha wieħed seta’ jsegwi spettaklu, fosthom minn numru ta’ kantanti u anke l-Banda tal-Pulizija.
Dalgħodu, l-Arċisqof ta’ Malta, Charles J. Scicluna qaddes Quddiesa fid-Dar tal-Providenza fil-Festa ta’ Marija Omm Alla u f’Jum il-Paċi.
Waqt l-omelija, l-Arċisqof fakkar dwar l-importanza li hekk kif bdiet sena ġdida, ir-reżoluzzjoni ta’ kulħadd għandha tkun li kull persuna tħares lejn l-oħrajn b’imħabba.
Il-maratona saret fl-isfond ta’ appell għall-għajnuna lill-pubbliku, hekk kif fix-xhur tal-pandemija, id-donazzjonijiet u fondi naqqsu drastikament kawża tan-nuqqas ta’ attivitajiet li ma setgħux isiru bħas-snin passati.
Il-ħaddiema, il-voluntieri u residenti intlaqtu mhux ftit mill-pandemija, fost l-oħrajn minħabba li kellhom iqattgħu xhur sħaħ ‘il bogħod minn dawk għeżież għalihom.
Il-Festa ta’ Ġenerożità – bejn nofsinhar u nofsillejl – ixxandret fuq l-istazzjonijiet televiżivi lokali, fosthom NET Television.