Kmieni dalgħodu mara ta’ 29 sena nstabet mejta fi Ġnien l-Indipendenza, f’Tas-Sliema. Il-katavru nstab minn persuna oħra li kienet qed tagħmel xi eżerċizzji fil-Ġnien għall-ħabta tas-6.30am.
Il-vittma nstabet bla ħwejjeġ u sorsi tagħna qalulna li kienet sofriet ukoll minn diversi ġrieħi f’rasha.
Fuq il-post issejħet ambulanza b’tim mediku mill-isptar Mater Dei madankollu l-mara ġiet ċċertifikata mejta ftit tal-mumenti wara.
Iz-zona kollha fejn instab il-katavru ġiet magħluqa mill-Pulizija sakemm saret analiżi mill-esperti forensiċi.
Sorsi li tkellmu ma’ Net News qalu li l-vittma hi oriġinarjament minn Wroclaw, u għandha 29 sena. Għalkemm l-isem tagħha għadu jrid ikun konfermat.
Jirriżulta li t-tfajla kienet tgħix Tas-Sliema stess.
Investigazzjonijiet intensivi mill-Pulizja tal-Iskwadra tal-Omiċidji u dawk tad-Distrett wasslu biex ftit tal-ħin wara fl-akwati tal-Balluta, ġie identifikat u arrestat żagħżugħ Malti ta’ 20 sena residenti ż-Żejtun li huwa suspettat li wettaq l-allegat omiċidju.
Filwaqt li l-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin, dwar dan il-każ il-Maġistrat tal-Għassa Astrid May Grima ordnat li ssir inkjesta u ħatret diversi esperti sabiex jassistuha.
//= $special ?>