Lokali Saħħa

Nuqqasijiet serji fid-deal tal-isptarijiet

Is-sena 2022… is-sena li fiha se nħallsu 69 miljun ewro lil Steward Healthcare talli tajnihom l-Isptar San Luqa, l-Isptar Karin Grech u l-Isptar t’Għawdex. Din l-ispiża minn bwiet il-Maltin u l-Għawdxin żdiedet b’20 miljun ewro fuq is-sena li għaddiet.

Din l-kontinwazzjoni ta’ infieq għad-deal tal-isptarijiet li qed jagħmel il-Gvern Laburista hija stramba ħafna meta wieħed jikkunsidra li sal-2017 l-NAO kien diġa sab madwar 60 każ fejn il-barranin kisru l-obbligi tal-kuntratt. Dawn is-60 każ kienu nnutati minn konsulent tal-Gvern stess.

Skont ir-rapport, il-konsulent tas-saħħa qal lill-NAO li kien sempliċement indika “ilmenti” dwar is-servizz tas-saħħa taħt il-VGH, iżda sostna li dawn in-nuqqasijiet ma kinux jikkostitwixxu ksur fil-kuntratt peress li l-livell tas-servizz baqa’ l-istess.

Ir-rapport kollu tal-NAO huwa mimli b’eżempji ta’ verżjonijiet konfliġġenti minn persuni li xogħolom kien li jissoveljaw il-kuntratt tal-isptarijiet.

L-NAO filfatt ikkonkluda li n-nuqqas ta’ koordinazzjoni bejn il-ministeri tas-saħħa u tal-enerġija – li fihom it-tnejn kien involut Konrad Mizzi – “ippermettew li l-konċessjoni tibqa’ proġett li ma jistax jiġi implimentat… sitwazzjoni irreparabbli.. id-djgħufijiet amministrattivi u politiċi kienu faċilment sfruttati mill-Vitals.”

Filfatt l-Awditur Ġenerali sab negliġenza kbira u nnota kif bidliet konsistenti fil-kuntratt oriġinali ffirmat mill-eks Ministru tat-Turiżmu Konrad Mizzi iffavorixxew biss l-interessi tal-barranin u mhux tal-Maltin u l-Għawdxin.

In-negliġenza wasslet ukoll biex dokumentazzjoni ta’ dak li inħema bejn tal-Labour u l-barranin ftit li xejn teżisti. L-NAO qies li dan kien falliment serju fil-governanza.

L-NAO waslitlu wkoll il-konferma li d-deal kien endorsjat mill-Kabinett ta’ dak iż-żmien. Kabinett li fih kien hemm Ministru u Segretarji Parlamentari li għadhom fil-Kabinett sal-lum il-ġurnata.

Fid-dawl ta’ dawn in-nuqqasijiet kollha, fl-2017, il-Gvern Laburista ingħata opportunità tad-deheb biex l-isptarijiet jiġu lura għand il-Maltin u biex nieqfu nberbqu l-miljuni. Iżda, minflok, tal-Labour sabu mod kif jibqgħu joħorġu l-miljuni, din id-darba lil Steward Healthcare.