Huma 812 il-persuni rreġistrati bħala pożittivi għall-Covid-19 fl-aħħar 24 siegħa, biex b’hekk fl-aħħar sebat ijiem biss kellna 7,980 każ ġdid.
Bejn il-Ħadd u t-Tnejn il-pazjenti pożittivi rikoverati fl-Isptar Mater Dei komplew jiżdiedu hekk kif issa qed jammontaw għal 122, b’sebgħa minnhom jinsabu rikoverati fit-Taqsima tal-Kura Intensiva.
Dan filwaqt li 240 persuna ġew irreġistrati bħala mfejqa filwaqt li fortunatament ma ġiet irreġistrata ebda mewta kawża tal-Covid-19 fl-aħħar 24 siegħa sabiex b’hekk il-vittmi baqgħu jammontaw għal 479.
Dan ifisser li l-każi attivi f’pajjiżna żdiedu għal rekord lokali ta’ 13,260…b’għexieren ta’ eluf għadhom jinsabu taħt kwarantina mandatorja.
Mil-lum daħlu fis-seħħ reviżjonjiet fir-regoli ta’ kwarantina għal dawk li jkun ilhom ġimgħatejn li ġew imlaqqma bil-booster. Dan hekk kif minn jittestja pożittiv ikun meqjus bħala mfejjaq u jkun jista’ jerġa’ joħroġ wara għaxart ijiem ġaladarba jkun ħa l-booster u jkun ilu mingħajr sintomi għal tlett ijiem.
Dan filwaqt li jekk ikollok kuntatt ma’ persuna li għandha l-Covid-19, tista’ tieqaf mill-kwarantina jekk tkun irriżultajt negattiv sebat ijiem wara l-ewwel kuntatt.
Għal kuntatt sekondarju, jiġifieri li tiltaqa’ ma persuna li tkun iltaqgħet ma xi ħadd pożittiv…issa m’għandek għalfejn tagħmel ebda kwarantina la darba tkun ħadt il-booster.
Intant, bin-numri ta’ każi ġodda għoljin li qed jiġu rreġistrati ta’ kuljum fil-Gżejjer Maltin, bosta għadhom imħassba dwar il-ftuħ fiżiku tal-iskejjel.
Diversi għalliema u ġenituri ddeskrivew il-mossa meħuda mill-Awtoritajiet li l-iskejjel jiftħu b’mod fiżiku jumejn biss wara d-data pjanata oriġinarjament bħala waħda mingħajr ebda bażi…kif ukoll waħda tad-daħq fil-wiċċ.
Dan filwaqt li kelliema li jaħdmu mal-FES, il-Fondazzjoni għas-Servizzi Edukattivi, fi ħdan klabb 3-16 spjegaw ma’ Net News li se jkunu qed jitħallew jaħdmu online sakemm jiftħu l-iskejjel…iżda għal siegħa u nofs biss kull ġurnata.
Pass meħud mill-Gvern li qed jurta lil dawn il-ħaddiema għaliex iddeskrivewh bħala wieħed li jqiegħdhom f’baħar ta’ dubji akbar ankè fid-dawl li m’hemm ebda ċertezza li l-iskejjel se jiftħu fl-10 ta’ Jannar.
Intant, wara li pajjiżna tqiegħed fuq il-lista l-ħamra tal-Istati Uniti mis-CDC, il-Ġermanja poġġiet lil Malta fil-lista ta’ pajjiżi b’riskju għoli għall-Covid-19 fejn flimkien ma’ pajjiżna żdiedu l-Italja, San Marino u l-Kanada. Dan hekk kif fl-aħħar ġimgħa f’Malta ġew irrapportati aktar minn 100 każ ġdid għal kull 100,000 ċittadin.
//= $special ?>