L-ammont tan-nies pożittivi għall-Covid-19 fl-Italja kapaċi dalwaqt ilaħħqu maż-żewġ miljuni minħabba l-firxa rapida tal-virus u b’mod partikulari l-varjant Afrikan tal-Omicron.
Dan qalu Nino Cartabellotta, li jmexxi l-fondazzjoni medika GIMBE u meta l-awtoritajiet mediċi lokali qed isegwu s-sitwazzjoni bi tħassib partikulari.
Intant, Cartabellotta qal li ż-żieda fil-każi ġodda tal-Covid fl-Italja, għalissa, mhumiex qed jirriflettu xi qabża allarmanti ta’ pazjenti fl-isptar. Dan meta qed ikun ikkalkulat l-impatt tal-Omicron li qed jinfirex b’rata aktar mgħaġġla mill-varjanti preċedenti (Alpha u Delta) tal-virus.
Madankollu, Cartabellotta u esperti oħra qalu li ż-żieda konsistenti fil-każi tal-Covid tfisser ukoll li l-isptarijiet fl-Italja, ‘il quddiem, se jkunu qed jilqgħu ammont sinifikanti ta’ pazjenti. F’din is-sitwazzjoni, l-isptarijiet tal-pajjiż jistgħu ma jlaħħqux mal-ammonti tal-infettati li qegħdin jidħlu ‘u meta hemm probabbiltà kbira li jkun hemm, mill-anqas, żewġ miljun persuna pożittivi bil-virus.’
Skont l-aħħar ċifri tal-Gvern Taljan, hemm ikkonfermati ftit aktar minn miljun persuna pożittivi bil-Covid fl-Italja.
Min-naħa tiegħu, Nino Cartabellotta għamilha ċara li l-miżuri li qed ikunu implimentati fl-Italja mhumiex biżżejjed biex il-pajjiż irażżan il-firxa tal-Covid. Hu tenna wkoll il-ħtieġa ta’ remote working mid-djar biex tonqos iċ-ċirkulazzjoni tal-Omicron.
Fi żviluppi oħra, is-sitwazzjoni fi Franza qed turi element ġdid perikoluż u inkwetanti meta għexieren ta’ deputati Franċiżi rrappurtaw li rċevew it-theddid kontra ħajjithom minn suspettati dimostranti – anti-vaxxers — li ma jridux jieħdu t-tilqima kontra l-Covid.
Dan meta l-Parlament Franċiż, fl-aħħar sigħat, beda jiddibatti leġislazzjoni li tirrikjedi biex in-nies juru l-provi li tlaqqqmu kontra l-Covid biex ikunu jistgħu jidħlu fir-ristoranti u s-swali taċ-ċinema u biex jużaw it-trasport pubbliku.
Il-liġi ġdida fi Franza telimina l-għażla ta’ sempliċi test negattiv għall-virus u għandha l-appoġġ tal-parti kbira tal-partiti politiċi rappreżentati fil-Parlament. Intant, il-liġi għandha tgħaddi mill-kamra t’isfel tal-Parlament waqt vot li mistenni jsir dalwaqt.
Franza hi magħrufa għall-ammonti ta’ ċittadini li huma xettiċi dwar il-vaċċin kontra l-Covid-19. Madankollu, iċ-ċifri juru li, sallum, mad-90 fil-mija taċ-ċittadini li għandhom ‘il fuq minn 12-il sena, huma fully vaccinated.
Sadanittant, il-proposti għall-issikkar tar-regoli relatati għall-Covid wasslu għal mewġa ta’ rabja ġdida fost l-anti-vaxxers fi Franza. Dan waqt li d-deputati Franċiżi kkonfermaw li qed jispiċċaw suġġetti għall-aggressjoni u fejn, s’issa, spikka l-vandaliżmu fuq il-proprjetà u ‘theddid ta’ vjolenza fuq il-persuni’.
//= $special ?>