Coronavirus Lokali

Direttiva mill-UĦM Voice of the Workers lill-ġenituri li m’għandhomx ma’ min iħallu t-tfal

Il-UĦM Voice of the Workers fi stqarrija qalet li tapprezza l-miżuri li ħareġ il-Ministeru tal-Edukazzjoni kontra l-imxija tal-Covid-19 u l-varjanti li ġabet magħha. Madankollu, il-UĦM tinsab diżappuntata li l-Ministeru tal-Edukazzjoni ħareġ tali miżuri mingħajr ma kkonsulta mal-unions kollha involuti, tant li b’tali miżuri ħoloq inkonvenjent lil numru ta’ ħaddiema.

Għaldaqstant, il-UĦM Voice of the Workers qalet li se tkun qed tagħti direttiva biex ħaddiema jaħdmu mid-dar, jew jekk in-natura tax-xogħol tagħhom ma tippermettix, jingħataw dmirijiet alternattivi biex ikunu jistgħu jaħdmu mid-dar. Dan l-arranġament għandu japplika jekk dawn il-ħaddiema għandhom:
• tfal reġistrati f’Child Care Centres;
• tfal reġistrati fi Klabb 3 to 16 u li huma ta’ 12-il sena jew anqas;
• tfal ta’ 12-il sena jew anqas li se jsegwu tagħlim online nhar il-Ħamis 6 u l-Ġimgħa 7 ta’ Jannar;
• tfal b’diżabbiltà li huma dipendenti fuq il-ġenituri.

L-union qalet li din id-direttiva tibqa’ fis-seħħ sakemm ċentri/skejjel jibqgħu magħluqin. Din id-direttiva ma tapplikax f’każ li wieħed mill-ġenituri jkun disponibbli li jieħu ħsieb it-tfal.

Il-UĦM Voice of the Workers tfakkar li pajjiżna għandu sptar wieħed u għaldaqstant il-miżuri li jittieħdu għandhom ikunu b’tali mod li ma jkunx hemm piż żejjed fuq l-isptar u l-professjonisti tas-saħħa.

Din l-Union tifhem li bħalissa hemm pressjoni qawwija fuq l-Uffiċċju tas-Sovrintendenza tas-Saħħa Pubblika minħabba d-dewmien fuq l-ittri tal-kwarantina, li qed iħallu riperkussjonijiet fuq il-ħaddiema u l-postijiet tax-xogħol.

F’dan il-kuntest, il-UĦM Voice of the Workers qed tagħmel appell biex l-Unions kollha jkunu involuti biex titfassal strateġija għall-ġid ta’ Malta u Għawdex.

L-union qalet li se tkompli ssegwi s-sitwazzjoni u tieħu l-miżuri li jkun hemm bżonn.