Lokali

Id-daqqa tal-pandemija fil-festi

Bl-ammont ta’ ħaddiema pożittivi jew taħt kwarantina u bin-nies b’seba’ għajnejn fejn imorru, id-daqqa lejn l-aħħar ġimgħat ta’ Diċembru ħassejniha żgur. Jekk in-numri jibqgħu kif inhuma, l-għajnuna se tkun essenzjali … għax wara sentejn ma nifilħux għal daqqa oħra.

Kliem diversi negozjanti, partikolarment dawk mis-settur turistiku, li għamlu kuntatt ma’ NET News biex jispjegaw li ż-żieda fin-numru ta’ każi ġodda fi żmien il-Festi ħarbtilhom il-pjanijiet tagħhom bil-kbir.

Diversi sidien ta’ ristoranti spjegaw li fi żmien il-Milied l-ammont ta’ kanċellazzjonijiet li kellhom kien wieħed inkredibbli, b’uħud lanqas biss kien jaqblilhom jiftħu. Oħrajn lanqas biss setgħu jagħmlu dan għax ma kellhomx biżżejjed ħaddiema, ladarba kollha kienu maqfulin fi kwarantina.

Minkejja dan kollu, oħrajn kellhom ix-xogħol li baqa’ għaddej grazzi għal dawk il-klijenti li huma magħrufin bħala ‘walk-ins’, jiġifieri li jidħlu fir-ristorant mingħajr booking.

Dan filwaqt li fejn għandu x’jaqsam l-attivitajiet tal-Milied u tal-Ewwel tas-Sena – bħal parties – ċertament li ġew affettwati bil-miżuri l-ġodda li tħabbru ftit qabel il-Milied.

Din is-sitwazzjoni, li qed tħalli impatt qawwi fuq diversi stabbilimenti, qed twassal biex bosta qed ifaħħru fuq il-media soċjali l-proposta tal-Partit Nazzjonalista li l-wage supplement ikun estiż sal-aħħar ta’ Marzu minflok sal-aħħar ta’ dan ix-xahar, kif iddeċieda l-Gvern ta’ Robert Abela.

Fost oħrajn, l-Assoċjazzjoni tal-Lukandi u r-Ristoranti, li qalet li l-industrija tal-ospitalità qed tirriskja li ġġarrab ħsara irreparabbli jekk jitwaqqfu ħesrem is-sussidji tal-pagi li qed iżommu eluf ta’ salarji ta’ impjegati fil-qasam.

Barra minhekk, il-Partit Nazzjonalista qed jipproponi wkoll li l-VAT titnaqqas għal 7% għal barijiet u ristoranti, bl-għan li tneħħi daqsxejn mill-pressjoni li fl-aħħar ġimgħat għakset lil dan is-settur.

Tags