Lokali

Iddaħħal l-eluf f’butha għax irriżenjat?

Dik li issa hi backbencher Laburista Justyne Caruana tista ddaħħal f’butha mat-€30,000 f’dak li qed jiġi deskritt bħala golden handshake wara li rriżenjat minn Ministru.

Sorsi qrib is-sit LovinMalta saħqu li Caruana ġiet sforzata toffri r-riżenja tagħha wara li kienet ikkundannata b’rapport tal-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika George Hyzler wara investigazzjoni dwar kuntratt ta’ €15,000 li ngħata mill-Ministeru li kienet responsabbli minnu hi lil seħibha Daniel Bogdanovic … kuntratt li issa jinsab taħt investigazzjoni kriminali.

Ġie spjegat li Justyne Caruana se tkun qed tibbenefika minn arranġament speċjali magħmul għall-membri tal-Kabinett li jiġu mibdula jew imneħħija kompletament minnu.

Madanakollu s-Segretarju tal-Kabinett, Mario Cutajar, la ċaħad u lanqas ikkonferma l-eżistenza ta’ dan il-pakkett ta’ €30,000 meta kien mistoqsi minn The Shift News.

Dan ifisser li jekk verament jeżisti dan il-pakkett, Caruana se tkun ibbenefikat madwar €60,000 wara li aktar kmieni tul din il-leġiżlatura, f’inqas minn sentejn, irreżenjat darbtejn minn żewġ Ministeri differenti.

Justyne Caruana kienet irriżenjat minn Ministru għal Għawdex wara li sar magħruf li r-raġel tagħha u eks Deputat Kumissarju tal-Pulizija, Silvio Valletta, kellu ħbiberija qawwija ma’ sid il-kumpanija 17 Black u persuna allegatament involuta fl-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia, Yorgen Fenech.

Hi kienet reġgħet tqegħdet fil-Kabinett f’Novembru tal-2020, wara reshuffle, biex ħadet post Owen Bonnici bħala Ministru għall-Edukazzjoni … minkejja n-nuqqas ta’ esperjenza fis-settur.

Sal-lum, Justyne Caruana għadha Membru Parlamentari mal-Partit Laburista għalkemm qalet li mhux se tkun qed tikkontesta fl-elezzjoni ġenerali li ġejja.

Tags