Lokali Qorti

Il-ġuri tal-“Koħħu” mixli b”hold-up’ fuq l-HSBC u attentat ta’ qtil ta’ żewġ Pulizija għall-Ħamis: Carmelo Abela fost ix-xhieda

Quddiem l-Imħallef Giovanni Griscti nhar il-Ħamis li ġej Vincent Muscat, imlaqqam “Il-Koħħu” se jibda għaddej ġuri akkużat bl-attentat ta’ qtil doppju ta’ żewġ Puliziija u serq aggravat li jikkonsisti f”hold-up’, liema allegat reat seħħ aktar minn 11-il sena ilu. Fil-ġuri li ġie differit diversi drabi ġew imħarrka diversi xhieda fosthom il-Ministru Carmelo Abela li qed jintalab biex jagħti d-depożizzjoni tiegħu dwar il-każ.

F’Mejju li għadda l-Qorti Kriminali preseduta mill-Imħallef Giovanni Grixti f’digriet li hija tagħat iddiferit ‘sine-die’ il-ġuri dwar l-attentat ta’ hold-up tal-HSBC li seħħ f’Ħal Qormi lura fl-2010. Dak inhar kien mistenni li tingħata data għal meta se jibda dan il-ġuri fil-konfront ta’ Vincent Muscat, magħruf bħala “Il-Koħħu” u Darren Debono magħruf bħala “It-Topo”, iżda ma ngħatat l-ebda data.

Il-ġuri ta’ Debono se jsir f’data oħra minħabba li huwa ddeċieda li l-każ tiegħu jinstema’ bla ġurati, bl-Imħallef sedenti jkun hu li jisma’ u jiddeċiedi l-każ. Ir-raġunijiet tad-differimenti fost oħrajn kienu dwar diversi xhieda ġodda marbutin mal-fatt li l-Qorti riedet tkun ċerta li qabel ma jsir il-ġuri riedet tara jekk kienx hemm persuni oħra nvoluti f’dan l-attentat ta’ ‘hold up’.

Fosthom dak żvelat fil-konfront tal-Ministru Carmelo Abela, li kien mgħajjat mill-Pulizija biex jirrispondi għal għadd ta’ domandi dwar l-allegat involviment tiegħu fil-każ. L-Avukat Ġenerali kien talab l-atti tal-proċess biex jingħataw lill-Maġistrat Inkwirenti sabiex din tisma’ x-xhieda ġodda fuq il-każ tal-‘hold up’ li kien seħħ fit-30 ta’ Ġunju, bil-Pulizija tiġi nfurmata għall-ħabta tat-7.45pm. li kien hemm xi persuni suspetużi fiċ-Ċentru HSBC (Ċentru Ruzar Briffa).

Meta kien tressaq il-Qorti Vincent Muscat ta’ 60 sena, flimkien ma’ Debono kienu ffaċċaw 18-il akkuża inkluż l-attentat ta’ qtil taż-żewġ uffiċjali tal-pulizija, ‘hold-up’, attentat ta’ serq, serq pistola mill-uffiċjal tas-sigurtà tal-bank tliet uffiċjali tal-bank kontra r-rieda tagħhom, li kkawżaw ħsara lill-propjetà u li saru reċidivi.

Ma’ Vincent Muscat u Darren Debono b’mod separat kien tressaq ukoll Fabio Psaila minn Santa Venera.

Il-Qorti trid tiddeċiedi talba ta’ eks Pulizija biex jixhidx fuq kwistjoni ta’ saħħa

Sadanittnat il-Qorti Kriminali għandha tiddeċiedi fuq talba minn eks uffiċjal tal-pulizija li kienu sparati tiri fuqu waqt il-‘hold-up’ tal-HSBC. Huwa qed jitlob permess biex ma jixhidx fil-ġuri ta’ Muscat minħabba ‘Post Traumatic Stress Disorder’ ikkawżat mill-inċident.

Fi Frar li għadda, Muscat kien ammetta s-sehem tiegħu fil-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia permezz ta’ ftehim mal-prosekuzzjoni. Huwa kien ikkundannat 15-il sena ħabs. Huwa ngħata wkoll maħfra presidenzjali b’rabta mal-qtil tal-avukat Carmel Chircop fl-2015.

Minn dak iż-żmien Muscat għamel żewġ talbiet addizzjonali għall-maħfra dwar ir-rwol tiegħu fl-attentat ta’ serq tal-HSBC. Il-hitman li nstab ħati flimkien ma’ tnejn oħra, ġew akkużati b’rabta mal-attentat ta’ serq tal-2010. Nhar il-Ġimgħa, l-Imħallef Giovanni Grixti sema’ sottomissjonijiet li saru f’isem l-eks kuntistabbli tal-pulizija Kenneth Ciangura, li talab li ma jintalabx jixhed quddiem il-ġurija.

Jekk jiġi milqugħ, huwa ma jiġix kontro-eżaminat waqt il-proċess, u l-ġurija minflok tingħata kopji tax-xhieda tiegħu quddiem il-qrati inferjuri. Il-Qorti mistennija tiddeċiedi dwar il-kwistjoni qabel ma jibda l-ġuri nhar il-Ħamis. Ciangura kien diġà xehed waqt il-kumpilazzjoni tal-provi fl-2010, u qal lill-Qorti kif kien mar jinvestiga rapport ta’ karozza suspettuża qrib iċ-Ċentru HSBC f’Ħal Qormi.

Hekk kif tela’ t-taraġ barra l-bini, tliet irġiel lebsin ilbiesi u parrokki kienu qed jinżlu, qal. Sabu ruħhom wiċċ imb wiċċ mal-pulizija, it-tliet irġiel kienu daru ħesrem u ġrew lura ġewwa l-bini. Qal li kien sparat fuqu mill-ħallelin hekk kif mar lura lejn il-karozza.

Ciangura kien xehed li kien spara żewġ tiri ta’ twissija fl-arja, iżda meta nduna li kienu qed jisparaw lejh, beda jirritorna n-nar. Il-kuntistabbli qal li hu u sieħbu qalu lill-control room li kienu qed jiġu sparati lejhom u talbu għal rinforzi. Imbagħad qasmu t-triq u nħbew wara Daihatsu pparkjat.

Ciangura qal li kien għadd 61 tir waqt l-isparaturi. Huwa kien spara 17, u sħabu 14 oħra. Ciangura kien fadallu round wieħed biss fil-magażin tiegħu, kienet semgħet il-Qorti. Waqt l-isparaturi, Kia Sorrento kienet waqfet quddiem il-bank, u t-tliet suspettati qabżu fiha u ħarbu. L-avukati Franco Debono u Roberto Montalto se jkunu l-avukati difensuri ta’ Muscat waqt il-ġuri. Il-prosekuzzjoni se titmexxa mill-Avukati Gianella Busuttil u Francesco Refalo mill-uffiċċju tal-Avukat Ġenerali.