Il-Pollakka li nqatlet b’mod brutali f’Tas-Sliema fl-ewwel lejl tas-Sena l-Ġdida kienet diskritta minn bosta bħala mara umli u li kienet dejjem bi tbissima fuq fommha – lesta biex tgħin, tħobb l-annimali u tħobb ukoll tivjaġġa.
L-esperjenza tagħha waslitha f’Malta biex tkompli bl-istudji, filwaqt li taħdem f’pajjiżna u tiskopri kultura ġdida.
Iżda ħadd minn sħabha qatt ma basar li l-vjaġġ ta’ Paulina f’din id-dinja kellu jintemm b’dan il-mod.
Ħbieb tagħha li tkellmu ma’ Net News stqarrew id-dieqa kbira u x-xokk li kellhom malli semgħu bl-aħbar traġika li seħħet f’Tas-Sliema; il-lokalità fejn din iż-żagħżugħa Pollakka kienet tgħix.
Wara d-delitt, l-aggressur daħal iwerżaq fil-Knisja tal-Balluta
Sorsi li tkellmu ma’ Net News ikkonfermaw li s-suspettat f’dan il-każ – Abner Aquilina – għandu passat xejn sabiħ, inkluż problemi serji ta’ saħħa mentali. Għalkemm sa issa mhux ċar jekk hu u l-vittma kienux jafu lil xulxin, jew jekk il-Pollakka kinitx kompletament estranja għalih.
Biż-żagħżugħ, wara li wettaq il-qtil, mar jiġri lejn il-knisja tal-Karmnu fil-Balluta li tinsab tefa’ ta’ ġebla bogħod mill-post li fih aggredixxa lil Paulina Dembska. Kif żvelajna lbieraħ, fil-Knisja ż-żagħżugħ beda jwerżaq. U saħansitra tela’ għal fuq l-artal fejn prova jaqleb dak li sab quddiemu.
Dan seħħ eżatt qabel il-quddiesa tas-6am, fejn kellhom jintervjenu wkoll xi nies biex iwaqqfuh.
Rapport fis-sit LovinMalta qed jindika li mal-Pulizija, Aquilina stqarr li hu kien qed jisma’ “ordnijiet minn fuq”, u li dawn kienu ilhom għaddejin ġimgħat. Kien f’dan il-punt li ż-żagħżugħ ġie riferut għall-isptar Monte Carmeli.
Hu x’inhu l-każ, dak li seħħ f’Tas-Sliema jibqa’ att kundannabli u li ġab rabja minn kulħadd.
Velja għada filgħaxija f’Tas-Sliema
Dan wassal biex il-Fondazzjoni għad-Drittijiet tan-Nisa ssejjaħ velja li se ssir għada filgħaxija f’Tas-Sliema, biex mhux biss titfakkar il-memorja ta’ Paulina Dembska imma jitwassal messaġġi qawwi kontra l-vjolenza.
Il-Fondazzjoni qed tappella lill-Gvern u lill-politiċi biex jieħdu din it-tema bis-serjetà. “Mhu se ninsew qatt isem Paulina, kif mhux se ninsew lanqas l-ismijiet tan-nisa kollha li ġew vjolentati u maqtula fl-aħħar snin”.

Iż-żagħżugħ miż-Żejtun (ritratt fuq) ġie arrestat ftit wara s-6:20am, fl-istess ħinijiet li nstab il-katavru tat-tfajla tat-29 sena mill-Polonja.
Persuni li qed isegwu l-investigazzjonijiet ikkonfermaw ma’ Net News li t-tfajla kellha diversi sinjali ta’ vjolenza fosthom marki li jindikaw abbuż sesswali, bil-vittma tipprova teħles u timbutta lill-agressur tagħha waqt li hu kien qed jifgaha.
Paulina Dembska instabet mejta taħt ħajt, wiċċha ‘il fuq f’waħda mir-rampi li mill-promenade tagħti aċċess għal Ġnien l-Indipendenza. Hi kienet mejta taħt il-ħajt u għalhekk mhux faċli tidher minn dawk li kienu mexjin tul il-promenade ta’ Triq it-Torri.
Issa, il-Pulizija qed tistenna r-riżultati tat-testijiet forensiċi li saru lbieraħ sabiex ikolha stampa aħjar tal-fatti kif żviluppaw f’dak il-lejl ikrah tal-ewwel jum tas-sena l-ġdida. Fosthom, jekk iż-żagħżugħ effettivament kellux x’jaqsam mal-vittma wara li hi ġie fgata.
Dwar il-każ qed issir ukoll inkjesta mill-Maġistrat Astrid May Grima.

Jekk int vittma ta’ vjolenza domestika tiddejjaqx titkellem – teżisti l-għajnuna.
Ċempel Supportline 179 fejn tista’ titkellem b’mod kunfidenzjali.
//= $special ?>