Mostija ta’ 33 sena qabdet tibki meta fil-Qorti hija ammettiet li ffrodat lil persuna li timpjegaha f’banka tal-lottu is-somma ta’ €6,820. Joanne Borg tressqet il-Qorti quddiem il-Maġistrat Donatella Frendo Dimech, akkużata bi frodi u misapproprjazzjoni.
Hija ġiet akkużata wkoll li għamlet rapport falz lill-pulizija jew li vvintat evidenza. L-Ispetturi tal-Pulizija Jonathan Ransley u Lydon Zammit, li qed imexxu l-prosekuzzjoni, qalu lill-Qorti li l-mara għandha problema tal-logħob u sfortunatament kienet impjegat fis-settur tal-logħob.
Dan intwera mill-ammonti li mħatri, sostna Zammit. Hekk kif Borg tressqet il-Qorti, l-avukat tagħha, Adriana Zammit, talbet li titħalla tersaq lejn il-banktal-Maġistrat , sabiex tiddiskuti privatament il-każ. Il-Qorti iżda rrimarkat li l-kodiċi kriminali kien ċar li s-seduti kriminali għandhom isiru fil-pubbliku u fil-miftuħ.
“Hu wkoll fl-interessi tal-akkużata,” qalet il-qorti. Borg ġiet mistoqsija jekk hijiex qed tammetti l-akkużi, li għalihom l-akkużata bid-dmugħ qalet “iva”. Il-Qorti qaltilha li llum kien il-bidu ta’ kapitlu ġdid f’ħajjitha u li s-sistema kienet hemm biex tgħinha.
Il-prosekuzzjoni infurmat lill-qorti li l-akkużata rritornat lura ftit mill-flus li kienet misapproprjat iżda li €6,820 kienu għadhom pendenti. Il-Maġistrat Frendo Dimech qalet li minkejja li kien hemm perċezzjoni pubblika li l-probation hija soluzzjoni faċli, fil-fatt, kienet ferm aktar oneruża minn sentenza sospiża.
“Jekk tiksirha, tispiċċa l-ħabs għar-reat oriġinali, f’dan il-każ, sa disa’ snin!” żiedet tgħid il-maġistrat, li kkundannat lil Borg għal probation għal tliet snin, flimkien ma’ ordni ta’ trattament ta’ tliet snin u ordni ta’ trażżin ta’ tliet snin. Il-Qorti qalet li se tordna wkoll li l-flus jitħallsu lura lill-vittmi bin-nifs permezz tal-avukat tagħha.
//= $special ?>