L-allegat suspettat tal-omiċidju li seħħ fi Ġnien l-Indipendenza f’Tas-Sliema, fl-aħħar sigħat ġie riferut għall-Isptar Monte Carmeli. Għaldaqstant, f’dan l-istadju l-Pulizija kellha tissospendi l-interrogazzjoni tas-suspettat b’rabta mal-omiċidju ta’ Paulina Dembska.
Dan kien konfermat minn stqarrija ppubblikata mill-Korp kmieni dalgħodu.
Diversi sorsi li tkellmu ma’ Net News spjegaw li dan iż-żagħżugħ ta’ 20 sena għandu passat mhux daqstant sabiħ, filwaqt li mhux l-ewwel darba li kien riferut għal kura mentali.
Il-Pulizija kkonfermat ukoll l-istorja ppubblikata lbieraħ minn dan is-sit, bil-Korp jgħid li l-Pollakka kienet qiegħda toqgħod f’hostel f’Tas-Sliema u kienet Malta bħala studenta.
L-investigazzjonijiet dwar dan il-każ qegħdin jitmexxew mill-Pulizija tal-Iskwadra tal-Omiċidji u dawk tad-Distrett ta’ Tas-Sliema.
