Bosta tfajliet tul il-jum tat-Tnejn saħqu li fl-aħħar xhur kienu ffastidjati minn Abner George Aquilina, iż-żagħżugħ ta’ 20 sena li preżentament jinsab suspettat bil-qtil makabru ta’ Paulina Dembska, il-Pollakka ta’ 29 sena li nqatlet b’mod vjolent fl-ewwel jum tas-sena f’Tas-Sliema.
Net News irċieva numru ta’ screenshots ta’ diversi messaġġi mibgħuta miż-żagħżugħ lil diversi tfajliet, messaġġi uħud minnhom b’diskors oxxen, xi drabi mimli theddid u drabi oħra biex ikun jista’ jiltaqa’ magħhom.
F’dawn il-messaġġi ż-żagħżugħ miż-Żejtun jitlobhom kemm-il darba biex jiltaqgħu b’għan sesswali, b’fastidju kontinwu…fejn saħansitra jgħidilhom biex iwettqu atti oxxeni biex jissodisfaw ix-xewqat tiegħu.
Uħud minn dawn it-tfajliet spjegaw li rrapportaw lil Aquilina lill-Pulizija iżda sa fejn jafu huma ftit li xejn ittieħdet azzjoni.
Diversi persuni li tkellmu wkoll mas-sit LovinMalta saħqu li dan huwa konsegwenza ta’ meta ċertu kummenti u messaġġi fuq il-midja soċjali jiġu injorati jew ma jingħatawx l-attenzjoni li jixraqilhom.
Preżentament l-investigazzjonijiet tal-Pulizija jinsabu sospiżi hekk kif iż-żagħżugħ ittieħed l-Isptar Monte Karmeli sabiex issir l-evalwazzjoni mentali meħtieġa.
Din il-kamra tal-aħbarijiet għażlet li ma tippubblikax dawn il-messaġġi minħabba l-kontenut sensittiv tagħhom.
//= $special ?>