Lokali

Mil-lum jinbidlu r-regoli tal-kwarantina

Mil-lum, 3 ta’ Jannar, daħlu fis-seħħ reviżjonijiet fir-regoli ta’ kwarantina fejn l-aktar li tispikka ċertament kemm trid tagħmel kwarantina persuna jekk tirriżulta pożittiva għall-Covid-19.

Dan hekk kif jekk persuna tkun ħadet id-doża tal-booster, tista’ tagħmel sa għaxart ijiem kwarantina biss minflok ġimgħatejn…dejem jekk tkun ilha tlett ijiem ma jkollha sintomi tal-virus qabel toħroġ ‘il barra.

L-istess regoli japplikaw għal persuni li jkunu jgħixu mal-persuna pożittiva.

Mhux magħruf x’tip ta’ spezzjoni se jkun hemm – jiġifieri f’dan l-istadju l-persuni li jittestjaw pożittiv jew le jistgħu joħorġu qabel skont ir-responsabbiltà individwali ta’ dak li jkun.

Ta’ min wieħed jinnota li t-teħid tal-booster jibda jgħodd għal dawn il-miżuri…ġimgħatejn wara li dan effittivament jittieħed.

Dan filwaqt li jekk ikollok kuntatt ma’ persuna li għandha l-Covid-19, tista’ tieqaf mill-kwarantina jekk tkun irriżultajt negattiv sebat ijiem wara l-ewwel kuntatt.

Għal kuntatt sekondarju, jiġifieri li tiltaqa’ ma persuna li tkun iltaqgħet ma xi ħadd pożittiv…issa m’għandek għalfejn tagħmel ebda kwarantina la darba tkun ħadt il-booster.