Lokali Qorti

Niġerjan jispiċċa l-ħabs talli beżaq fuq uffiċjali tal-Pulizija waqt li kien fis-sakra

Niġerjan ta’ 28 sena li joqgħod il-Marsa intbagħat il-ħabs u ġie mmultat wara li beżaq fuq uffiċjali tal-pulizija li ppruvaw iwaqqfuh jagħmel l-awrina fit-triq xahar biss wara li wasal Malta. Ekele Orogodo qal lill-Qorti, ippreseduta mill-Maġistrat Donatella Frendo Dimech li jiddispjaċih għal dak li għamel.

Huwa kien ġie arrestat fl-Ewwel tas-Sena fil-Marsa wara li kkunsma ammont kbir ta’ alkoħol. L-Ispettur Andy Rotin spjega li r-raġel kien qed jagħmel l-awrina fit-triq meta ġie avviċinat minn uffiċjali tal-RIU u kien irreaġixxa b’mod aggressiv, sussegwentement beżaq u insultahom.

L-inċident inqabad fuq filmat, semget il-Qorti. Orogodo ġie mixli li hedded lill-uffiċjali tal-pulizija waqt il-qadi ta’ dmirijiethom, li kkommetta reat kontra d-diċenza f’post pubbliku, li espona ruħu f’post pubbliku, li ma obdiex ordnijiet leġittimi tal-pulizija, li kien fis-sakra u li ma kienx kapaċi jieħu ħsieb lilu nnifsu fil-pubbliku u li beżaq pubbliku.

L-ispettur qal lill-Qorti li l-akkużat kien wasal Malta x-xahar li għadda u jista’ jkun li se jkollu jintbagħat lura l-Italja. Huwa kkonferma li ma kienet involuta l-ebda vjolenza fl-inċident. “Jekk ma tistax tikkontrolla ix-xorb, għaliex tieħdu?” staqsiet l-Maġistrat.

“Ilek hawn xahar; tajjeb, għax ċappast il-kondotta tiegħek. Jekk ma tistax tittollera l-alkoħol, tixrobx!” Il-Pulizija qegħdin hemm biex jiġu rispettati, żiedet tgħid il-maġistrat. Il-Maġistrat Frendo Dimech wissiet lil Orogodo li kien qed jiffaċċja sentenza ta’ ħabs sa erba’ snin.

L-Ispettur Rotin qal li l-akkużat kien qatta’ l-ewwel jum kollu taħt arrest jidgħi u jobżoq fl-għassa tal-pulizija iżda skuża ruħu l-għada meta l-effetti kienu ingħelbu. “Naħseb li tkun aħjar tixrob il-milkshakes,” qalet il-Maġistrat. Orogodo wieġeb ħati tal-akkużi.

Fis-sottomissjonijiet tiegħu dwar il-piena, l-Ispettur Rotin issuġġerixxa sentenza minima ta’ ħabs, filwaqt li rrimarka li l-akkużat ma kellu l-ebda flus u l-ebda permess tax-xogħol. L-Avukat Ramon Bonnett Sladden, maħtur bħala għajnuna legali għall-akkużat, talab li r-raġel jintbagħat lura l-Italja.

Il-Qorti iżda qalet li ma kellha l-ebda setgħa li tibgħatu lura u li dan kien il-mandat tal-Kummissarju tal-Pulizija u tal-awtoritajiet tal-Immigrazzjoni. “Il-liġi hija ċara ħafna li rrid nimmultak mill-inqas €800. Jekk ma tistax tħallasha, tinbidel għal priġunerija…” wissiet l-Maġistrat lill-akkużat.

“Jiddispjaċini għal dak kollu li għamilt…” qal Orogodo. “Il-Qorti talbitu jikkonferma li kien qed jammetti l-akkużi, iżda l-akkużat beda jaġixxi bħallikieku ma kienx qed jifhem. Il-Qorti qalet li ma kinitx kuntenta bl-ammissjoni tar-raġel f’dak l-istadju u talbet li jinstab interpretu.

Meta l-akkużat ġie msejjaħ lura l-qorti xi ftit wara, il-Maġistrat irrimarkat li l-Ingliż kien lingwa uffiċjali tan-Niġerja u ħeġġiġtu biex ma joqgħodx jilgħab. Orogodo wieġeb ħati tal-akkużi u ġie kundannat xahar ħabs u mmultat €800. “Dak hu l-minimu. Dak hu kemm swiet ix-xarba tiegħek. Tista’ tikkontrolla x-xorb tiegħek- ladarba tħossok mhux f’sensik waqqaf ix-xorb,” wissietu il-Maġistrat.